Lokali

AĠĠORNATA: Imut Pietru Pawl Busuttil

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Pietru Pawl Busuttil.

Pietru Pawl, kien il-persuna li fl-1986 kien sar il-frame-up fuqu meta fir-razzett tiegħu f’Ħal Safi kienet tpoġġiet l-arma li biha kien inqatel Raymond Caruana.

Pietru Pawl Busutti miet fl-Isptar Sir Anthony Mamo dalgħodu wara li kien ilu jbati mill-marda tal-kanċer, hu kellu 74 sena.

Pietru Pawl jibqa’ mfakkar bħala persuna li sofra l-ingustizzja tal-frame-up u l-bniedem li rreżista fiż-żminijiet diffiċli għal-liberta’ u d-demokrazija fil-pajjiż.

Pietru Pawl Busuttil kien ukoll l-ewwel Sindku f’Ħal Safi, kariga li dam jokkupaha għal 18-il sena sħaħ.

Fi tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li Pietru Pawl Busuttil huwa simbolu tal-ġlieda għad-demokrazija, ġustizzja u l-liberta’ f’Malta.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Pietru Pawl Busuttil. Il-Partit Nazzjonalista sostna li Pietru Pawl Busuttil jibqa’ mfakkar għall-frame-up li kien sar fuqu fl-1986 b’rabta mal-qtil ta’ Raymond Caruana. Dan il-qtil kien seħħ fi żmien diffiċli ferm kemm għal Pietru Pawl Busuttil u l-familja tiegħu, kif ukoll għall-pajjiż kollu.

Minkejja li kien vittma ta’ frame-up politiku Pietru Pawl Busuttil dejjem baqa’ sod u dinjituż. Il-Partit Nazzjonalista żied li Pietru Pawl jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala simbolu tal-ġlieda għad-demokrazija, ġustizzja u libertà f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jwassal il-kondoljanzi lill-familja Busuttil f’dan il-mument diffiċli.

Media.link communications issellem il-memorja ta’ Pietru Pawl Busuttil waqt li tibgħat il-kondoljanzi l-familja tiegħu.

Il-Funeral ta’ Pietru Pawl Busuttil se jsir nhar il-Ġimgħa fl-15:45 fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Safi, waqt li wieħed jista’ jiffirma fil-ktieb ta’ Kondoljanzi fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Safi nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa bejn l-10:00 u l-17:00.