Lokali Parlament

Malta kisbet esperjenza u benefiċċju mill-Presidenza tal-UE – David Stellini

Fl-ewwel diskors tiegħu fil-parlament, id-deputat Nazzjonalista David Stellini qal li bil-Presidenza tal-UE Malta kisbet esperjenza fit-tmexxija u benefiċċji għall-pajjiż.

Fl-Aġġornament ta’ nhar l-Erbgħa David Stellini tkellem dwar il-kirjiet għoljin, il-ħaddiema li jaħdmu 16-il siegħa kuljum, it-traffiku, il-ġenituri li jħallu t-tfal fid-day care sat-8 p.m u l-istress tal-eżamijiet u qal li Malta u l-UE jfissru n-nies.

L-UE hi l-ħaddiema kollha Maltin, tal-id u tal-moħħ, sostna David Stellini, li kompla li se jkun impenjat li l-Għawdxin ikollhom l-istess drittijiet daqs il-Maltin u diversi impenji oħra fosthom biex ikunu solvuti l-problemi tat-traffiku u dawk fl-edukzzjoni.

Dan jista’ jkun isir permezz ta’ ħidma fl-UE u għalhekk se jkun qed jiltaqa’ mal-kostitwenti biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Ftit jiem oħra tintemm il-Presidenza Maltija tal-UE, li kienet suċċess. In-nies li ħadmu taw isem tajjeb lil Malta inkluż il-Kap Marlene Bonnici. Dawn ħadmu b’serjetà u professjonalità.

Il-Presidenza ħalliet ġid ekonomiku għal Malta, grazzi għall-ex Prim Ministri Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi u għall-Kap tal-PN Simon Busuttil u għal Richard Cachia Caruana li daħħlu lil Malta fl-UE.

David Stellini qal li ġid ieħor tal-Presidenza kien li Malta rat il-Presidenza minn fuq għal isfel u kisbet ċertu esperjenza fit-tmexxija tal-UE.

Hu appella lill-Prim Ministru biex isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fl-UE dwar il-każ tal-Panama. Il-PN se jkompli jaħdem għal isem tajjeb ta’ Malta fl-UE, sostna David Stellini.