Lokali Qorti

Mixli li pprova joqtol it-tarbija tas-sieħba tiegħu

L-effetti ta' "shaken baby syndrome"
Kif wasal l-Isptar, it-tarbija Maleek kien ċertifikat f’qagħda kritika u sar intervent kirurġiku ta’ emerġenza f’moħħu. Kienu propju t-tobba li salvaw ħajjet it-tarbija, iżda sfortunatament, it-tfajjel sofra ħsara irriversibbli f’moħħu. Tant li Maleek, li llum għandu erba’ snin u nofs, jinsab fi stat kważi veġetattiv.

Rotimi Williams Akande, Niġerjan ta’ 27 sena residenti fil-Mellieħa, din il-ġimgħa beda għaddej ġuri akkużat fost oħrajn bl-attentat ta’ qtil tat-tarbija tas-sieħba tiegħu, li kellu 15-il xahar.

Quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, Akande kien mixli li fil-15 ta’ April 2013, hu qabad lit-tifel Maleek Olowoshile u heżżu b’mod qawwija tant li t-tfajjel sofra emorraġija f’moħħu.

Il-Prosekuzzjoni fl-Att tal-Akkuża tispjega li Akande kien jaf sew x’qed jagħmel għax kien infurmat bil-konsegwenzi ta’ dan l-aġir wara li ħamest ijiem qabel, it-tfajjel kien diġa ddaħħal l-Isptar Mater Dei isofri minn ġrieħi wara li kien mheżżeż.

Akande kien wasal Malta u ngħata permess ta’ residenza sabiex jilgħab il-futbol mal-klabb Għawdxi S.K. Victoria Wanderers. F’dan iż-żmien, hu kien iltaqa’ ma’ mara Niġerjana, Abiola Olowoshile u bdiet relazzjoni bejniethom tant li fi Frar tal-2013, hi telqet lis-sieħeb li kellha li hu missier it-tfajjel Maleek, u marret tgħix mal-akkużat fil-Mellieħa. Ftit wara, Abiola ħarġet tqila b’tarbija mal-akkużat.

Dakinhar tal-inċident, Abiola telqet għax-xogħol u bħas-soltu ħalliet it-tifel mal-akkużat. Il-Prosekuzzjoni tgħid li xi ħin filgħodu, Akande, bil-ħsieb li joqtol jew li jpoġġilu ħajtu f’periklu ċar, heżżeż lit-tarbija Maleek tant li sofra emorraġija f’moħħu u ntilef minn sensieh. Wara li poġġa lit-tarbija fis-sodda, hu ċempel lis-sieħba tiegħu għall-ħabta ta’ nofsinhar u qallha li meta mar biex iqajjem lil Maleek, sabu mitluf minn sensieh. Abiola marret lura d-dar minnufih u sejħet għal ambulanza.

Kif wasal l-Isptar, it-tarbija Maleek kien ċertifikat f’qagħda kritika u sar intervent kirurġiku ta’ emerġenza f’moħħu. Kienu propju t-tobba li salvaw ħajjet it-tarbija, iżda sfortunatament, it-tfajjel sofra ħsara irriversibbli f’moħħu. Tant li Maleek, li llum għandu erba’ snin u nofs, jinsab fi stat kważi veġetattiv.

Akande jinsab akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq Maleek, f’inċident ieħor fejn l-akkużat kien heżżeż lit-tarbija, ftit jiem biss qabel l-attakk li kien kważi fatali. Fit-3 ta’ April 2013, it-tfajjel iddaħħal l-Isptar wara li kien irremetta d-demm, ibbies u ntilef minn sensieh. Fl-Isptar instab li Maleek kien qed isofri minn girfa u tbenġila fuq sidru, ksur f’żewġ kustilji, dmija fir-retina u emorraġija ħafifa f’moħħu. Minħabba li dawn il-ġrieħi kienu konsistenti ma’ dak li jissejjaħ shaken baby syndrome, l-istaff tal-Isptar staqsa bir-reqqa lil ommu dwar l-inċident. Abiola qalet li l-babysitter tagħha sabet lit-tarbija sofriet attakk ta’ epilessija u heżżietu sabiex jiġi f’sessieh. L-istaff tal-Isptar kien informa lil Abiola dwar il-konsegwenzi ta’ dan l-aġir, li jistgħu ikunu fatali għal tarbija. Mill-istħarriġ tal-Pulizija irriżulta li kuntrarjament għal dak li qalet Abiola lill-istaff ta’ Mater Dei, ma hemm ebda babysitter mara u li fir-realta’, Abiola kienet tħalli lil Maleek mal-akkużat Akande

In-Niġerjan jinsab akkużat ukoll bi trattament abbużiv fil-konfront ta’ minorenni ta’ taħt it-12-il sena

F’każ ta’ ħtija, l-ewwel żewġ kapi iġorru piena massima ta’ 30 sena ħabs.

Il-Ġuri ikompli għada. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Elaine Mercieca u Justine Cilia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukat Joseph Ellis qed jassisti Rotimi Williams Akande.