Lokali Parlament

In-negozjati dwar l-Air Malta għandhom ikunu trasparenti – Robert Cutajar

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar insista mal-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi biex in-negozjati u l-ftehim dwar il-futur tal-Air Malta jkunu trasparenti mhux bħal ma saru negozjati oħra li fihom kien involut l-istess ministru.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament, Robert Cutajar qal li kien gvern Nazzjonalista li ġab l-MTV f’Malta, ġab il-fondi għat-toroq tal-Kappara u għal diversi proġetti oħra. Hu qal li m’għandux ikun hemm dellijiet koroh fl-Air Malta għaliex fiha issa hemm il-Ministru Konrad Mizzi.

Kull kuntratt li għadda minn taħt il-Ministru Mizzi dejjem kellu effetti negattivi u nuqqas ta’ trasparenza u għalhekk dan m’għandux iseħħ ukoll fl-Air Malta.

Jeħtieġ li l-ħaddiema jkunu rispettati fejn il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-MTA ilu snin li skada. Inħoloq ukoll inkovenjent meta l-MTA marret Smart City Hu staqsa kemm iddaħħlu nies lf-MTA u x’pagi qed jingħataw għaliex qed ikun hemm inġustizzji.

Fit-turiżmu għandha titneħħa l-burokazija fid-dipartmenti. Hu semma Transport Malta u qal li sa sena u nofs quddiem il-lukanda tas-Salina m’hemm bus shelter. Hu staqsa jekk wasalx iż-żmien li l-Palazz ta’ Selmun jingħata lura lill-polu Malti.

Robert Cutajar semma kif taħt Gvern Nazzjonlaista l-Bajja tal-Għadira saret blue flag u appella biex ikun hemm modi ġoda kif joperaw dawn il-bajjiet.

Il-Mellieħa tieħu 18% tat-turisti li jiġu Malta u għalhekk jeħtieġ li tkun introdotta skema fejn il-kunsilli lokali li jerfgħu dawn il-piżijiet jingħataw fondi apposta. Hu appella biex il-pulizija tat-turisti jkunu estiżi wkoll għall-Mellieħa.

Hu semma t-Torri l-Aħmar u qal li l-parties li jsiru m’għandhomx jikkaġunaw ħsarat ambjentali u sostna li l-MTA ma tatx kunsiderazzjonijiet ambjentali u tat il-permess biex dan isir.