Għada fid-8.45pm, Valletta se jkunu qed jiftħu l-impenji tagħhom fl-ewwel rawnd tal-Europa League b’logħba f’darhom kontra t-tim minn San Marino SS Folgore, partita li Valletta jibdew bħala favoriti anki għal fatt li folza kienu seeded.
F’konferenza stampa lejliet il-partita, il-kowċ ta’ Valletta Zoran Popovic jemmen li għandhom il-karattru u l-potenzjal li jgħaddu minn dawn ir-rawnd u jinsabu lesti għal partita tal-lum. Il-kowċ Serb qal li ftit għandhom informazzjoni fuq l-avversarji, iżda jridu jkunu intelliġenti biżżejjed u ma jiftħux id-difiża biex jattakkaw, fejn tenna li l-importanti li ma jsofrux gowl u jilagħbu sempliċi. Popovic kompla jgħid li hu l-mira tiegħu hi li jwassal lil Valletta għar-rebħ tal-kampjonat u se jkun qed jaħdem biex jagħmel dan possibbli.
L-assistent kowċ Gilbert Agius qal li hi kważi normali fid-dinja tal-futbol kull ftit tim jibdel il-kowċ u qal li sakemm jidraw ikun hemm ftit żmien, iżda qal li jridu jimxu id f’id mal-kowċ il-ġdid biex jibagħtu messaġġ.
Tkellem ukoll id-difensur ta’ Valletta Ryan Camilleri li aċċenna wkoll dwar il-bidla tal-kowċ fejn qal li huma suġġett għal affarijiet li jinbidlu u minħabba li din hi l-ewwel logħba uffiċjali tal-istaġun, iqisu din il-logħba bħala test biex juru li se jkunu fost l-isfidanti. Hu qal li dawk il-partitarji li jsegwu t-tim jafu li minbarra l-aħħar partiti tal-kampjonat ma kienx hemm kollox ħażin u appella lil dawk li għandhom il-klabb f’qalbhom biex jattendu bi ħġarhom.
Sadanittant f’konferenza stampa mit-tim ta’ SS Folgore, il-kowċ tat-tim Oscar Lasagni qal li huma se jilagħbu biex jikkwalifikaw iżda konxji mill-fatt li Valletta hu organizzati kullimkien u jinsabu favoriti li jgħaddu. Lasagni jemmen li għandhom grupp tajjeb u veloċi u għalihom l-importanti li jiskorjaw u ma jitilfux. Il-captain tat-tim Andrea Nucci qal li għalihom hi diffiċli iżda se jissieltu għal kull ballun biex jippruvaw jiksbu riżultat pożittiv.
//= $special ?>