Il-President ta’ Real Madrid Florentino Perez ikkonferma r-rapporti li dehru dan l-aħħar fil-ġurnali Spanjoli u qal li l-winger Cristiano Ronaldo jinsab irrabjat u mhux kuntent mal-klabb iżda serraħ ras il-partitarji li l-plejer se jibqa’ mal-klabb.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm rapporti li Ronaldo qal lil ħabib tiegħu li mhux kuntent bil-mod ta’ kif il-klabb naqas milli jipproteġih wara li dan ġie akkużat b’evażjoni tat-taxxa. Fit-13 ta’ Ġunju li għadda Ronaldo ġie akkużat li evada b’€14.7 miljun f’taxxa mill-2011 sal-2014. Issa hu jrid jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti fil-31 ta’ Lulju li ġej.
Ronaldo, li bħalissa jinsab ir-Russja mat-tim nazzjonali Portugiż li qed jikkompeti fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet qal lil kollega tiegħu li kien qed jistenna li Real Madrid jagħmlu sforz akbar biex jiddefenduh f’dan il-każ u jixtieq iħalli lit-tim wara tmien snin jilgħab fi Spanja.
“Ronaldo għandu kuntratt ma’ Real Madrid. Li nafu hu li tkellem ma’ ħabib tiegħu u esprima d-diżappunt tiegħu fil-konfront tat-tim imma jien għadni ma tkellimtx miegħu personalment. La darba jintemm it-turnament fir-Russja niddiskutu sew fid-dettall u naraw għaliex jinsab irrabjat,” qal Perez.
Dan tal-aħħar riċentament ġie konfermat bħala President ta’ Real Madrid u se jkun qed iservi l-ħames terminu tiegħu u qal li sakemm kienet għaddejja l-kampanja Presidenzjali għażel li ma jidħolx fil-każ ta’ Ronaldo imma issa la darba dan aċċerta mill-kariga se jibda jaħdem minnufih biex jagħmel ċert li r-rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb jibqa’ maċ-champions Ewropej.
Intant, l-istess Perez tkellem anke dwar il-futur tal-kowċ Zinedine Zidane u kkonferma li la darba dan jirritorna mill-btala mal-familja Real se jibdew diskussjonijiet biex iġeddulu l-kuntratt.
Sa minn meta beda jmexxi lil Real, jiġifieri f’Jannar tal-2016, Zidane għen lit-tim jirbaħ iċ-Champions League darbtejn u fl-istaġun li għadda Real rebħu anke l-kampjonat. Real se joffru kuntratt lil Zidane li jorbtu mal-klabb sal-2020.
Matul dawn l-aħħar jiem Zidane kien qiegħed Ibiza mal-familja qabel ma jirritorna lura għax-xogħol hekk kif it-tim jibda l-preseason fis-16 ta’ Lulju. L-ewwel impenn importanti għal Real se jkun fit-8 ta’ Awwissu meta dakinhar huma jilagħbu fil-finali tal-UEFA Super Cup kontra r-rebbieħa tal-Europa League, Manchester United.
//= $special ?>