Lokali Qorti

Qassis jinstab ħati ta’ attentat fuq il-pudur ta’ tfajla – jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża

  • Liberat minn akkużi ta’ għemil żieni u li jikkorrompi u li ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ tliet tfajliet minorenni, f’Għawdex.

Jesmond Gauci, qassis ta’ 44 sena mix-Xagħra Għawdex kien ikkundannat sena ħabs, liema sentenza kienet sospiża għal tliet snin wara li nstab ħati li wettaq attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ tfajla minorenni li kellha 13-il sena meta seħħ ir-reat.

Gauci kien qed jiffaċċja ħames kapi ta’ akkuża fil-konfront ta’ tliet tfajliet differenti. Dawn kienu:

  1. Li kkorrompa lit-tliet tfajliet b’għemil żieni
  2. Li ħa sehem f’attivitajiet sesswali magħhom
  3. Li wettaq attentat vjolenti fuq il-pudur tagħhom
  4. Li tahom fastidju
  5. Użu mhux xieraq ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, fosthom SMS u messaġġi fuq Facebook.

Hu kien liberat mill-akkużi kollha ħlief it-tielet akkuża u din fil-konfront ta’ tfajla waħda.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, semgħet kif f’Awwissu tal-2014 it-Taqsima ta’ Kontra l-Vizzji tal-Pulizija kienet irċeviet rapport mill-Isqof ta’ Għawdex, Mgr Mario Grech li kien sar jaf b’allegati każi ta’ abbuż sesswali li allegatament twettqu minn qassis.

Il-każ kien eżaminat ukoll mir-Response Team tal-Kurja, li ma sabx ħtija fl-imġieba tal-qassis.

Tul il-kors tal-kawża xehdu it-tliet vittmi li isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti. Vittma minnhom (A) irrakkontat żewġ inċidenti, wieħed fuq id-dgħajsa tal-ġenituri tagħha fejn Gauci allegatament messha fuq sidirha, filwaqt li inċident ieħor seħħ waqt barbecue. Dan tal-aħħar kien seħħ fil-preżenza ta’ ommha li wkoll ikkonfermat dan fix-xhieda tagħha. Kemm l-omm u kemm in-nanna tal-vittma kienu xehdu li t-tifla inbidlet ħafna wara dawn l-allegati inċidenti u ma rieditx taf b’quddies u saċerdoti.

Vittma (B) kienet allegat li l-imputat kien messilha u ġibdilha xagħarha waqt lezzjoni tal-privat għand ħu l-imputat. Inċident ieħor kien meta allegatament ipprova ibusha waqt il-qrar.

It-tielet tfajla, Vittma (Ċ), allegat inċident wieħed fejn f’Marsalforn, waqt li kienu qed jixtru għal sħabhom, Gauci allegatament qabadha madwar qaddha minn wara u qal il-kliem “Cosy, Cosy”.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li filwaqt li x-xhieda tal-vittmi A u Ċ kienu kredibbli, l-istess ma jistax jingħad għax-xhieda ta’ Vittma B li kienet waħda inkonsistenti u għaldaqstant, l-akkużi kollha relatati magħha ġew skartati.

F’sentenza voluminuża, il-Maġistrat Camilleri spjega kif il-Qorti eżaminat kull akkuża u kif waslet għall-konklużjonijiet tagħha. Dwar l-ewwel akkuża ta’ għemil żieni u korruzzjoni, il-Qorti irrimarkat li filwaqt li ċertu aġir ta’ Gauci huwa deplorevoli, “dan ma jistax jitqies bħala wieħed żieni”. Lanqas ma kien hemm prova li kien hemm korruzzjoni tal-minorenni wara l-allegati inċidenti.  Rigward it-tieni akkuża, il-Qorti qalet li fl-ebda mument ma kienet ippreżentata prova li kien hemm xi atti sesswali bejn l-imputat u l-allegati vittmi.

Fit-tielet akkuża, dik dwar attentat vjolenti fuq il-pudur tat-tfajliet, il-Qorti qalet li din l-akkuża kienet ippruvata biss fil-konfront ta’ Vittma A.

Ir-raba’ akkuża, dwar ir-reat ta’ fastidju, il-Qorti qalet li dan ir-reat jiġi fis-seħħ meta jkun hemm kontinwita’ jew ripetizzjoni tal-istess aġir. Inċident ta’ darba ma’ jistax jitqies bħala fastidju.

Fil-ħames u l-aħħar akkuża, il-Qorti qalet li ma tistax tieħu konjizzjoni tagħha għaliex ma ddaħħlitx fin-Nota għall-ġudizzju mibgħuta mill-Avukat Ġenerali.

Il-Maġistrat Neville Camilleri qal li l-Qorti waslet għall-piena sospiża ta’ sena priġunerija wara li qieset il-fatt li Jesmond Gauci kellu kondotta nadifa u l-ħidma pastorali tiegħu bħala qassis u bħala edukatur u min-naħa l-oħra, qieset in-natura gravi tar-reat li tiegħu instab ħati u l-fatt li hu qassis.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sylvana Briffa u Joseph Busuttil filwaqt li Gauci kien assistit mill-Avukat Joe Giglio.

Fi stqarrija l-Kurja qalet li l-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli (Safeguarding Commission) tikkonferma li kien l-Isqof ta’ Għawdex li rrapporta l-allegazzjonijiet ta’ abbuż lill-Pulizija, u li meta tressaq il-każ quddiem ir-Response Team f’Awwissu 2014, is-saċerdot kien ġie sospiż mill-ministeru saċerdotali tiegħu. Din is-sospensjoni għadha fis-seħħ sal-lum.

Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli tħeġġeġ lill-pubbliku jikkuntattja lill-Pulizija jew iċempel fuq is-Support Line 179, dwar kwalunkwe allegazzjoni ta’ abbuż. Il-Kummissjoni tista’ tiġi kkuntattjata fuq info@safeguarding.org.mt.