Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet – Il-Ġermanja jibdew favoriti

Il-Ħamis tintlagħab is-semifinali l-oħra tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet bejn il-Ġermanja u l-Messiku u jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-istatistika jinnota li ċ-champions tad-dinja se jibdew bħala l-favoriti.

Minn 10 konfronti bejn dawn it-tnejn il-Messikani rebħu biss darba u dan kien f’partita ta’ ħbiberija fl-1985 f’Mexico City.

Il-konfront tal-lejla se jkun l-ewwel wieħed sa mit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-2005 meta dakinhar il-Ġermanja kienu rebħu 4-3 fil-ħin barrani biex b’hekk temmew fit-tielet post tat-turnament.

Kollox ikompli jindika li llejla l-Ġermanja mistennija jirbħu, speċjalment meta wieħed iqis li dawn ilhom 13-il logħba ma jitilfu. L-aħħar darba li ħarġu telliefa kien fis-semifinali tal-Euro 2016 meta fis-sajf li għadda dawn tilfu 2-0 kontra Franza.

Madankollu jekk wieħed iħares lejn il-forma riċenti l-Messikani jistgħu jagħmlu kuraġġ għax dawn ilhom ma jitilfu fl-aħħar sitt partiti.

Il-partita tal-Ħamis mistennija tkun waħda li se toffri l-gowl għax mit-tliet partiti li lagħbu s’issa, ż-żewġ timijiet dejjem sabu x-xibka u dejjem sofrew gowl.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom il-Ġermanja għelbu lill-Kamerun 3-1 u din kienet il-100 rebħa tal-kowċ Joachim Loew bħala kowċ tal-Ġermanja u issa dan se jkun qed jittama li jikseb rebħa oħra biex iwassal lit-tim tiegħu sal-finali ta’ dan it-turnament li jsir bħala tħejjija għat-Tazza tad-Dinja.

Kollox jindika li Loew se jerġa’ jibda b’ Lars Stindl mal-ewwel 11 wara li dan tħalla fuq il-bank fil-logħba kontra l-Kamerun wara li kien skurja fl-ewwel żewġ logħbiet kontra l-Awstralja u ċ-Ċili.

Kontra l-Ġermanja, l-isfida għall-Messikani se tkun li jibdew il-partita bil-mod li kien qed itemmuhom. Dan għaliex huma qed juru l-aqwa logħob lejn tmiem il-partiti. Kontra l-Portugall salvaw draw ta’ 2-2 b’gowl fl-aħħar minuta filwaqt li r-rebħiet kontra New Zealand u r-Russja waslu grazzi għal rimonta.

Bla dubju, bidu negattiv kontra tim qawwi bħal ma hu dak tal-Ġermanja jaf jiswa qares.