Xufier ta’ ‘Scammel’ ġie ordnat iħallas €58,345 f’danni lil sewwieq ta’ mutur wara li nżamm responsabbli għal inċident tat-traffiku li seħħ f’Għawdex.
Donald Cassar fetaħ il-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) kontra Charles Zahra b’rabta mal-inċident li kien seħħ fit-23 ta’ Marzu 2013 fir-Rabat.
Cassar kien qed isuq mutur tal-għamla Honda meta spiċċa involut fil-ħabta ma’ ‘Scammel’ tal-għamla ERF proprjeta ta’ Joseph Mercieca.
Bid-daqqa huwa spiċċa waqa’ minn fuq il-mutur u għalkemm qam reġa’ waqa’ minħabba l-ġrieħi li kien sofra f’siequ x-xellugija tant li kellu jittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura.
Quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri, Cassar xehed kif huwa kien għaddej mit-triq meta t-trakk tal-iskart qabad u ħareġ minn parkeġġ u laqtu.
Min-naħa tiegħu, Zahra sostna li qabel ħareġ huwa ħares diversi drabi u wara li għaddiet karozza minn faċċata saq u mbagħad sema l-impatt mal-mutur.
L-inċident inqabad ukoll fuq CCTV camera u dan kompla saħħaħ il-verżjoni tas-sewwieq tal-mutur.
Il-Maġistrat Vella Cuschieri rrimarkat wara li semgħet il-verżjonijiet taż-żewġ naħat li l-verżjoni tas-sewwieq tal-mutur kienet waħda konsistenti kuntrarjament għal dik tax-xufier tal-‘scammel’ li kien fiha diversi kontradizzjonijiet.
Il-Qorti qalet li minn dak li rriżulta t-trakk kien ipparkjat f’parkeġġ u ħareġ f’daqqa waħda minkejja li kien għaddej il-mutur.
Il-Maġistrat Vella Cuschieri saħqet li Zahra kellu l-obbligu li jara xi traffiku kien ġej miż-żewġ naħat imma naqas li jara min kien ġej minn warajh.
Meta ġiet biex taħdem id-danni, il-Qorti qieset li l-vittma kellu 21 sena meta seħħ l-inċident u sofra diżabilita ta’ 15%. Kien għalhekk li waqt li żammet lil Zahra responsabbli għall-inċident li fih weġġa Cassar ordnatlu jagħtih l-imsemmi kumpens.
//= $special ?>