Iċ-Champion Andy Murray se jibda l-Wimbledon bħala s-sid numru wieħed b’Novak Djokovic, Roger Federer u Rafael Nadal jgħaqqdu l-ewwel erba’ postijiet fir-rankings.
L-Iskoċċiż kiseb it-tieni titlu tiegħu f’Wimbledon is-sena l-oħra meta għeleb lil Milos Raonic, iżda din is-sena għandu biċċa xogħol aktar diffċli biex jirbaħ ir-raba’ Grand Slam minħabba li sa issa din is-sena kienet diżappuntanti.
In-numru wieħed tad-dinja, rebaħ biss unur din is-sena u sofra disa’ telfiet sa issa matul l-istaġun. Għalhekk, Murray se jkun qed jara li r-rekord pożittiv li għandu Wimbledon jitkompla, hekk kif tal-anqas wasal sal-kwarti tal-finali fl-aħħar disa’ snin.
Il-poloz jitilgħu għada u minħabba li Djokovic, Federer u Nadal jinsabu mal-ewwel erbgħa, dan ifisser li l-erba’ tennisti jistgħu jiltaqgħu biss fis-semifinali. Nadal u Federer huma fost il-favoriti, bl-Iżvizzeru hu l-aktar favorit wara li rebaħ l-Open tal-Awstralja u unuri oħra filwaqt li rkupra tajjeb mill-uġigħ li sofra minnu s-sena l-oħra.
Federer bħalissa hu s-sid numru tlieta u qed ifittex l-ewwel titlu ta’ Wimbledon mill-2012 u din is-sena rebaħ it-tliet logħbiet li lagħab kontra Nadal.
//= $special ?>