Futbol Sport

Cristiano Ronaldo jħalli lit-tim Portugiż għax…

Reazzjoni ta' Ronaldo wara t-telfa kontra ċ-Ċili (Ritratt: EPA)

L-istilla Portugiża Cristiano Ronaldo ħalla lit-tim nazzjonali Portugiż li qed jieħu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet fir-Russja wara t-twelid ta’ tewmin.

Il-plejer ta’ 32 sena mhux se jilgħab fil-logħba għat-tielet u r-raba’ post li l-Portugall għandhom il-Ħadd, hekk kif irrapurtat li Ronaldo jinsab fi triqtu lejn l-Amerika fejn se jiltaqa’ mat-trabi tiegħu għall-ewwel darba. Hu sar missier għat-tieni darba u hu mifhum li t-tewmin twieldu permezz ta’ mara li welldet għall-omm tat-tewmin.

Ronaldo kiteb messaġġ fuq facebook wara t-telfa tal-Portugall fis-semifinali kontra ċ-Ċili. “Jien kont ta’ servizz għat-tim nazzjonali, kif dejjem ġara, anki meta kont naf li tnejn minn uliedi kienu twieldu. Sfortunatament, ma ksibniex dak li sportivament xtaqna, imma ninsab ċert li se nkomplu nagħtu l-ferħ lill-poplu Portugiż,” qal Ronaldo.

Il-Portugiż faħħa lill-President tal-Federazzjoni tal-Futbol Portguiża u l-kowċ tal-attitudni li kellhom li qatt mhu se jinsa. Hu kompla jgħid li jinsab kuntent ħafna li finalment se jkun jista’ joqgħod mat-tfal tiegħu għall-ewwel darba.

Il-captain Portugiż ħa l-kolazzjon ma’ sħabu qabel ma mar l-ajruport. Ronaldo għandu diġà tifel ta’ seba’ snin li jismu Cristiano Ronaldo Junior u rapporti oħra qalu li t-tfajla tiegħu Georgina Rodriguez tinsab tqila. Il-kumplament tal-iskwadra telqet lejn Kazan għall-aħħar logħba f’dan it-tournament.