Futbol Sport

Il-Ġermanja fil-finali b’wirja brillanti

Leon Goretzka jiskorja t-tieni gowl (Ritratt: EPA)

Il-Ġermanja se jikkontestaw il-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet kontra ċ-Ċili wara li meritatament għelbu lill-Messiku 4-1. Dan ir-riżultat ikompli jikkonferma l-potenzjal tal-Ġermaniżi li minkejja l-assenza ta’ diversi plejers, u t-tibdil kontinwu tal-kowċ nazzjonali Joachim Löw.

Iċ-Champions tad-Dinja fetħu l-iskor wara biss sitt minuti. Henrichs irċieva ballun fuq il-ġirja u krossja mill-ewwel għan-nofs fejn sab lil Leon GORETZKA li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għar-rokna għeleb lil Ochoa. L-iskor sar 2-0 żewġ minuti wara meta reġa’ kien Leon GORETZKA li rċieva ballun intelliġenti fl-ispazju mingħand Werner u qabbeż tajjeb fuq Ochoa.

Il-Ġermaniżi għalqu l-logħba fid-59 minuta b’azzjoni oħra brillanti. Kien passaġġ ta’ Draxler minn nofs lejn Jonas Hector li sab lil Ochoa quddiemu, iżda qassam fin-nofs lejn Timo WERNER li kompletament waħdu skorja f’lasta vojta.

Il-Messiku skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fid-89 minuta bi free-kick mill-isbaħ ta’ Marco FABIAN mid-distanza, li b’xutt b’saħħtu ħasad lil ter Stegen. Iżda kien għad fadal ħin għal gowl ieħor, bil-Ġermanja jagħmluhom 4-1 fil-ħin żejjed f’azzjoni maħduma bejn is-sostituti b’Julian Brandt iqassam fuq ix-xellug lejn is-sostitut l-ieħor Amin YOUNES li kkontrolla u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Ochoa.