Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista, l-FOIPN, jilqa’ b’sodisfazzjon kbir, il-fatt, li bħalissa, fil-Parlament qed tiġi diskussa l-liġi l-ġdida tal-ugwaljanza fiż-żwieg. Dan huwa pass ieħor importanti fil-mixja għall-inklużjoni tal-komunità LGBTIQ fis-soċjetà Maltija. L-FOIPN, jinsisti li l-inklużjoni tal-komunità LGBTIQ għandha tingħata prijorità fuq l-aġenda ta’ kull leġiżlatura. L-FOIPN, tul dawn l-aħħar snin, kellha diversi diskussjonijiet ma’ għaqdiet mhux governattivi f’Malta sabiex nifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ din il-komunità u bħala organu politiku daħħal diversi proposti.
L-FOIPN dejjem ħadem għall-inklużjoni aktar wiesgħa fl-oqsma kolha tas-soċjetà u biex titnaqqas kull forma ta’ diskriminazzjoni. Kif qed tiġi proposta l-liġi li qegħda tiġi diskussa, il-kliem ‘mara’, ‘raġel’, ‘omm’ u ‘missier’ qegħdin jiġu sostitwiti bi kliem ieħor. L-FOIPN jinnota li hawn min iħoss li l-fatt li dawn il-kliem qed jiġu eliminati, jmur kontra l-veru spirtu ta’ inklużjoni – għax nemmnu li meta tinkludi, iżżid, mingħajr ma tnaqqas xejn minn dak li kien hemm qabel. Għalhekk, l-FOIPN, jirrakomanda li jsiru emendi sabiex il-lingwaġġ li jintuża fil-liġi jkun verament jirrifletti l-inklużjoni ta’ kull tip ta’ persuna, koppja u familja.
L-FOIPN jinsisti li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-emendi tiegħu fi stadju ta’ Kumitat f’dan is-sens, kif ukoll il-Gvern li jappoġġja dawn l-emendi.
Fir-realtà, l-inklużjoni hija vjaġġ li jibda bl-edukazzjoni, kemm formali fl-iskejjel u kemm informali, fis-soċjetà barra mill-iskola u permezz tal-forom differenti tal-medja. L-FOIPN iħoss li wasal iż-żmien li l-pajjiż ifassal pjan serju ta’ kif dan jista’ jsir, u li f’qasir żmien dan il-pjan jrid jibda jiġi implimentat. L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li tista’ tiftaħ il-qlub u tbiddel l-imħuħ.
//= $special ?>