Edukazzjoni Lokali

Kemm hemm studenti li ma jattendux għal-lezzjonijiet tar-Reliġjon fl-iskejjel Maltin?

Eluf ta' ġenituri f'Malta għażlu li t-tfal tagħhom ma jattendux għal-lezzjonijiet tar-reliġjon - fl-iskejjel tal-Istat, Indipendenti u anke f'tal-Knisja

Il-ġenituri tal-istudenti fl-iskejjel Maltin – kemm fl-iskejjel tal-Istat, Indipendenti u anke tal-Knisja – għandhom l-għażla jekk iridux lit-tfal tagħhom jitgħallmu s-suġġett tar-Reliġjon kattolika jew le. Iżda kemm eżatt hemm ġenituri li preferew li t-tfal tagħhom ma jitgħallmux dan is-suġġett?

Din il-mistoqsija tqajmet fil-Parlament, fejn irriżulta li hemm eluf ta’ ġenituri ta’ studenti f’Malta li preferew li t-tfal tagħhom ma jingħatawx dan it-tagħlim. Fl-iskejjel tal-Knisja stess hemm 9 studenti li ma jitgħallmux ir-Reliġjon kattolika b’kollox, 5 studenti fi skejjel tal-primarja u 4 studenti minn skejjel sekondarji.

Fl-iskejjel tal-Gvern, l-ammonti huma ħafna akbar, dan hekk kif it-total ta’ studenti li ma jitgħallmux is-suġġett tar-Reliġjon kattolika fl-iskejjel tal-Gvern tal-primarja u sekondarja joqorbu viċin 2,500 student – bl-akbar ammont ta’ studenti eżentati mil-lezzjonijiet tar-Reliġjon ikunu fl-iskejjel ta’ San Pawl il-Baħar b’334 student, Pembroke 203 student, u n-Naxxar b’135 student.

Minn naħa l-oħra, fl-iskejjel Indipendenti storja oħra. Dan hekk kif hemm aktar minn elf student li l-ġenituri tagħhom għażlu l-opt out. Fl-iskejjel primarji Indipendenti b’kollox hemm 518 student, filwaqt li f’dawk ta’ livell ta’ sekondarja hemm 409 student li ma jitgħallmux is-suġġett tar-Reliġjon kattolika. F’din l-informazzjoni li ġiet ippubblikata dwar l-iskejjel Indipendenti tajjeb li jiġi kjarifikat li ma dawn it-totali mhumiex magħduda l-istudenti tal-Mariam Albatool School u l-Verdala International School, dan hekk kif dawn l-iskejjel ma joffrux it-tgħallim tas-suġġett tar-Reliġjon kattolika. Filwaqt li r-Russian Boarding School Malta Crown Limited ma għadditx l-informazzjoni tagħha lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex tkun inkluża f’din l-istatistika.

Din l-istatistika ġiet ippublikata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni wara mistoqsija Parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus: