Max Mosley tkellem dwar l-inċident bejn Vettel u Hamilton fil-Grand Prix tal-Ħadd li għadda u ddeskriva l-imġieba ta’ Vettel fil-Grand Prix tal-Ażerbajġan bħala intollerabbli.
Vettel daħal darbtejn fuq ir-rivali tiegħu Lewis Hamilton fi ftit ħin meta l-karozzi kienu wara s-safety car. Vettel laqat lil Hamilton minn wara, hekk kif l-Ingliż naqas il-veloċità wara li kien għadu kemm idur il-kantuniera.
Ir-reazzjoni tal-Ġermaniż għal dan il-ġest kien billi għolla jdejh u daħal mill-ġenb fuq Hamilton, bil-konsegwenza li Vettel ingħata penalità ta’ għaxar sekondi ‘stop and go’, filwaqt li l-istewards tat-tiġrija naqqsu wkoll tliet punti mis-super liċenzja li għandu.
Iżda l-FIA kkonfermat l-Erbgħa li għadda li se jkomplu jeżaminaw dan l-inċident it-Tnejn li ġej biex jevalwaw jekk ikunx hemm bżonn ta’ aktar azzjonijiet.
L-eks President tal-FIA Max Mosley jemmen li l-kastig inizjali ta’ Vettel kien ħanin u kellu jitneħħa mit-tiġrija. “Mhux se nagħmel ħbieb mal-Ferrari imma fatt hu fatt. Ir-rakkomandazzjoni tiegħi kienet tkun li Vettel jitneħħa mit-tiġrija u npoġġi din il-kwistjoni quddiem il-kunsill tad-dinja biex jinnegozjaw. Minn naħa tiegħi, hu intollerabbli li ġġib ruħek kif għamel Vettel. Kieku għamel dan fit-triq, kien jitlef il-liċenzja.”
Minkejja l-penalità, Vettel spiċċa post qabel Hamilton fir-raba’ post u kabbar id-distakk għal 14-il punt fil-klassifika tas-sewwieqa, wara li Hamilton kellu jkun sfurzat li jidħol fil-pit lane u jirranġa l-headrest.
Iż-żewġ sewwieqa kienu rrabjati għal xulxin wara t-tiġrija tal-Ħadd li għadda, b’Vettel jakkuża lil Hamilton b’dak li jissejjaħ ‘brake-testing’ filwaqt li s-sewwieq tal-Mercedes qal li l-azzjonijiet tal-erba’ darbiet Champion tad-dinja kienu diżgustanti.
Jekk l-FIA tiddeċiedi li tieħu aktar azzjoni, tista’ ttella’ lill-Ġermaniż quddiem it-Tribunal Internazzjonali fejn il- penalitajiet jistgħu jkunu minn multi għal sospensjoni tat-tiġrijiet.
Vettel diġà jinsab fuq problemi dixxiplinarji qabel it-tiġrija tal-ġimgħa d-dieħla fl-Awstrija hekk kif wara l-penalità ta’ tliet punti fuq il-liċenzja f’Baku, issa għandu disa’ punti ta’ penalità fl-aħħar 12-il xahar, u jinsab biss tliet punti bogħod minn sospensjoni awtomatika tat-tiġrija.
Id-deċiżjoni tal-FIA li jeżaminaw l-inċident, hu t-tieni f’anqas minn sena li fiha l-kondotta ta’ Vettel wasslet għal investigazzjoni minn Jean Todt. Il-każ l-ieħor tas-sewwieq tal-Ferrari jmur lura fil-Grand Prix tal-Messiku f’Ottubru li għadda, meta fuq ir-radju tat-tim kellu kliem negattiv għad-direttur tat-tiġrija Charlie Whiting.
F’dak l-inċident, Vettel għamel apoloġija lil Whiting, xi ħaġa li l-FIA ħadet in-konsiderazzjoni, iżda l-Ġermaniż ripetutament insista li ma għamel xejn ħażin wara l-inċidenti ma’ Hamilton.
Filwaqt li Vettel akkuża lil Hamilton, l-istewards ma sabu xejn ħażin fl-aġir tal-Brittaniku. Investigazzjoni fuq is-sewwieq tal-Mercedes wasslet li Hamilton la għafas il-break u lanqas waqaf għal kollox kif ħareġ mill-kantuniera. L-analiżi uriet li Hamilton aġixxa bl-istess mod meta kien hemm is-Safety Car fid-drabi l-oħra fit-tiġrija.
//= $special ?>