Futbol Sport

Valletta jirbħu mingħajr wisq sforz

It-tim ta' Valletta li beda l-partita kontra Folgore (Ritratt: Trevor Sollars)

VALLETTA……………2                                      FOLGORE……………..0

Valletta: H. Bonello, U. Umeh (J. Borg 81’), S. Borg, R. Camilleri, J. Zerafa, J. Cruz Gill, C. Pani (R. Briffa 90’), S. Malano, R. Romao, M. Mifsud, M. Velasco (K. Nwoko 64’)

Folgore: L. Bianchi, F. Sartori (M. Luzzolino 85’), A. Semprini, A. Bianchi (N. Venerucci 77’), C. Genestreti, L. Paradisi, L. Bezzi, A. Nucci, C. Brolli, R. Lago, M. Bernardi (S. Sacco 82’)

Imwissija: C. Genestreti 33’ (F), J. Zerafa 65’, J. Borg 87’ (V)

Skorjaw: S. Borg 42’, M. Velasco 48’ (V)

Referee: Denis Scherbakov (Belarus)

Assistenti Referees: Andrei Getikov (Belarus), Evgeni Romanov (Belarus)

Attendenza: 1141

Valletta fetħu l-impenji tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej meta għelbu lit-tim minn San Marino 2-0 f’logħba valida mill-ewwel leg tal-ewwel rawnd tal-UEFA Europa League.

Partita li fiha Valletta bdew bħala favoriti minħabba d-differenza fil-kwalità taż-żewġ timijiet, differenza li dehret waqt il-logħba. Madankollu, wieħed kien qed jistenna prestazzjoni aħjar minn Valletta li f’ħafna ħinijiet tal-logħba dehru konfużi fl-azzjonijiet tagħhom, b’numru ta’ passaġġi żbaljati.

Minkejja kollox, rebħa hi rebħa u l-kowċ Zoran Popovic, li għamel id-debutt uffiċjali mal-Beltin, se jkun kuntent bir-rebħa li tpoġġihom f’pożizzjoni tajba li jikkwalifikaw għat-tieni rawnd, fejn jekk jgħaddu jilagħbu kontra t-tim Olandiż ta’ Utrecht, li kontrihom ikun hemm bżonn prestazzjoni ferm aħjar.

Għal Valletta għamlu d-debutt Joseph Zerafa u Kyrian Nwoko li daħal bħala sostitut, filwaqt li kellhom neqsin lil Rowen Muscat u Jonathan Caruana.

 

Valletta fetħu l-iskor fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima. Kien kross mil-lemin ta’ Uchenna Umeh fil-kaxxa, għola pront Steve BORG li b’daqqa ta’ ras tajba fir-rokna tax-xibka għeleb lil Bianchi.

Il-Beltin irduppjaw fit-48 minuta meta Umeh b’passaġġ minn nofs, qabad fuq sieq waħda d-difiża ta’ Folgore u ġab lil Maximiliano VELASCO waħdu li minn nofs il-grawnd baqa’ javvanza u kif ġie quddiem Bianchi skorja b’xutt fil-baxx.