Futbol Sport

Barcelona se jilagħbu kontra Chapecoense fit-Trofeo Gamper

L-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Trofeo Gamper se tkun speċjali u differenti hekk kif Barcelona se jilqgħu fil-Camp Nou lil Chapecoense, l-iskwadra Brażiljana li fit-28 ta’ Novembru li għadda ntlaqtet minn inċident ikrah, meta ajruplan kkraxja, b’konsegwenza li mietu 71 persuna fosthom il-maġġoranza tal-plejers.

Barcelona għamlu l-aħbar uffiċjali fuq is-sit uffiċjali tagħhom. “It-52 edizzjoni tat-Trofeo Gamper se ssir fis-7 ta’ Awwissu fil-Camp Nou. Din is-sena se nisfidaw lil Chapecoense, il-klabb Brażiljan li kien involut f’inċident traġiku fl-ajru fi triqtu lejn il-finali tal-Copa Sudamericana fil-Kolombja. Se tkun mod kif insellmu lil 71 vittma u lill-familji tagħhom fit-traġedja tat-28 Novembru li għadda. Barcelona jittamaw li Chapecoense jirritornaw fil-livell kompetittiv li kienu qabel it-traġedja,” temmet tgħid l-istqarrija tal-klabb.