Futbol Sport

Borini preżentat bħala plejer ta’ Milan

Fabio Borini rritorna fl-Italja wara esperjenzi fl-Ingilterra

Fabio Borini hu uffiċjalment plejer ta’ Milan. Dan wara li għamel u għadda mill-eżami mediku fil-klinika La Madonnina l-Ħamis u ffirma l-kuntratt il-ġdid mar-rossoneri. L-eks attakkant ta’ Sunderland, se jkun qed jingħaqad ma’ Milan b’self b’obbligu li jinxtara għal kollox, bil-plejer jgħid li l-ħolma tiegħu saret realtà.

Borini kellu kliem ta’ tifħir lejn il-klabb il-ġdid fejn qal li issa qed jifhem x’qed jiġri, meta jħares lejn il-mużew, jifhem kemm hu kbir il-klabb u jinsab onorat. Hu qal li meta ra t-tazza taċ-Champions League mill-viċin iqanqlu ċertu sensazzjoni.

L-attakkant qal li tħarreġ matul il-waqfa biex ikun preparat għal staġun ieħor u jinsab ħerqan li jibda l-istaġun. Borini qal li tkellem mal-kowċ Vincenzo Montella wara li t-trasferiment kien magħluq u qal li tah il-fiduċja tiegħu. Mistoqsi dwar l-irwol tiegħu, Borini qal li jagħmel dak li jkun hemm bżonn għat-tim, xi ħaġa li tgħallem miż-żmien tiegħu li għamel fl-Ingilterra.