Il-klabb Ingliż Bournemouth assigura s-servizzi ta’ Nathan Ake mingħand Chelsea għal somma rekord tal-klabb. Iċ-Cherries akkwistaw lil Ake għal kważi €23 miljun.
Ake lagħab l-ewwel nofs tal-istaġun li għadda b’self ma’ Bournemouth fejn lagħab 12-il logħba u skorja tliet gowls qabel ma’ reġa’ ssejjaħ minn Chelsea f’Jannar fejn għen lill-klabb jirbaħ il-kampjonat u jasal sal-finali tal-FA Cup.
“Hi sfida eċċitanti. Chelsea hu klabb kbir u tgħallimt ħafna hemm imma dan hu pass ġdid u l-aħjar post għalija biex inkompli niżviluppa. Il-partitarji għadhom ma rawx l-aqwa tiegħi. Jien dejjem inħares fl-għoli u għalhekk naf li għad fadalli ħafna x’naħdem. Bl-għajnuna tal-kowċ naf li nista’ nibqa’ nitjieb u nsir plejer aħjar,” qal Ake.
Bournemouth pruvaw jakkwistaw għal kollox lill-plejer fi tmiem Jannar, iżda l-offerta ma kinitx aċċettata minn Chelsea. Ake li għamel id-debutt mat-tim nazzjonali Olandiż kontra l-Marokk f’Marzu, fil-passat kien b’self ma’ Watford u Reading.
Il-manager ta’ Bournemouth Eddie Howe żied jgħid li jinsab kuntent li akkwistaw lill-plejer fuq bażi permanenti. “Hu plejer li nafuh, u kellu perjodu ta’ suċċess magħna. Nathan għandu attitudni fantastika u xewqa li jitgħallem u jiżviluppa. Hu għandu futur sabiħ quddiemu u kuntent li l-futur tiegħu hu hawn,” qal Howe.
//= $special ?>