It-tliet darbiet rebbieħ tat-Tour de France Chris Froome ġedded il-kuntratt tiegħu b’sentejn ma’ Team Sky. L-aħbar ħarġet lejliet l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tour de France li jibda llum.
Froome li għandu 32 sena, fil-passat rebaħ it-Tour de France fl-2013, fl-2015 u fl-2016. Il-ftehim eżistenti kien se jintemm fi tmiem l-istaġun li ġej, u dan it-tiġdid fil-kuntratt jirrapreżenta vot ta’ fiduċja taċ-ċiklist Brittaniku f’Team Sky.
Froome ilu ma’ Team Sky minn meta twaqqfu fl-2010 u din is-sena hu l-favorit li jerġa’ jirbaħ it-Tour de France, iżda jemmen li għandu l-aktar sfida iebsa sa issa minħabba l-avversarji u n-natura tal-korsa.
“Ġenwinament naħseb li t-Tour ta’ din is-sena tirrappreżenta l-aktar sfida għalija li qatt kelli sa issa. Ngħid hekk minħabba n-nuqqas ta’ kilometri fit-time-trials u n-nuqqas ta’ tmiem fil-quċċata tal-muntanji. Iżda dan ifisser li se tkun aktar missielta u eċċitanti għal partitarji,” qal Froome. It-Tour de France tibda llum b’time-trial ta’ 14-il kilometru f’Dusseldorf.
//= $special ?>