Lokali

‘Direct order’ ta’ €50,000 għall-media Laburista fl-aħħar jiem tas-sena li għaddiet

Fis-27 ta’ Diċembru 2016, meta l-poplu kien aktar moħħu fil-Festi tal-Milied, l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista ngħata ‘direct order’ ta’ 50,000 ewro mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Id-‘direct order’ ingħatat għal kampanji pubbliċitarji matul is-sena li għaddiet, għalkemm din ingħatat fl-aħħar erbat ijiem tas-sena, bid-‘direct order’ kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern jiem wara l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju.

Wara li skopra din l-informazzjoni, il-ġurnal The Times of Malta bagħat mistoqsijiet lill-Ministru Carmelo Abela, li meta ħarġet id-‘direct order’ kien il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Madankollu, il-Ministru baqa’ ma bagħat l-ebda tweġiba.

Ma ngħatawx dettalji dwar ir-reklami mxandra fuq il-media tal-Partit Laburista, kif ukoll jekk ‘media houses’ oħra ngħatawx l-istess trattament mill-Ministeru.

Kelliem għall-Ministeru qal biss li l-kampanja kienet approvata f’Diċembru li għadda għax ir-reklami se jixxandru matul din is-sena, anke fuq media oħrajn. Iżda meta l-ġurnalist ta’ The Times innota li l-Gazzetta tal-Gvern tat informazzjoni differenti, il-kelliem għall-Ministeru qal li m’għandux aktar xi jżid.

Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista akkuża lill-Partit Nazzjonalista bi dħul finanzjarju li jaqbeż il-Liġi tal-Finanzjamenti. Madankollu, ma kien qal xejn dwar din id-‘direct order’ li ngħatat f’Diċembru li għadda għal servizzi suppost ipprovduti matul is-sena li għaddiet stess.