Lokali Mużika

FILMAT: “BANDLI”: Strument f’Misraħ San Ġorġ

Il-mużika li kapaċi toħroġ mill-ambjent tat-teatru għal dak ta' ġot-triq.

Għat-tieni sena konsekuttiva tnieda l-proġett ‘BANDLI’ fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, l-installazzjoni artistika hija kollaborazzjoni bejn il-Malta International Arts Festival u l-inizjattiva Modern Music Days tat-Teatru Manoel f’ kollaborazzjoni mal-Malta Association for Contemporary Music bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Valletta 2018 Kapitali Ewropea tal-Kultura. Il-proġett din is-sena jikkonsisti fi tmien bandli li malli wieħed jitbandal fuqhom tinstema’ l-mużika.

Ruben Zahra li ‘BANDLI’ hija taħt id-direzzjoni ta’ dan il-kompożitur qalilna li l-kunċett tal-installazzjoni huwa li t-tmien bandli jaqdu funzjoni mużikali. B’hekk il-mużika qed toħroġ mill-ambjent tat-teatru għal ġot-triq.

“Is-sena l-oħra, tul l-għaxar t’ijiem tal-Malta International Arts Festival kellna aktar minn 5,000 ruħ li ġew jipparteċipaw mal-installazjoni,” żied jgħid.

Kull bandla hija strument u għal din is-sena tqabbdu tliet kompożituri li ħolqu l-ħsejjes varji minn ħsejjes vokali, tradizzjonali u elettroniċi; Albert Garzia, Alex Vella Gregory u Mario Sammut. L-akbar sfida tal-mużika hija li trid tbiddel u taddatta skont in-numru ta’ nies li qed jitbandlu.

It-tim artistiku ta’ ‘BANDLI’ jinkludi lid-direttur tekniku Sergio Costa u Andrew Schembri, li huwa inkarigat mil-lat tal-music interfacing.

Il-Bandli se jkun fi Pjazza San Ġorġ tal-kapitali sal-Ħadd 16 ta’ Lulju bejn l-10am u l-11pm.