Goel ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, kien biżżejjed għat-tim nazzjonali Ġermaniż biex jirbaħ il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena wara li għelbu lit-tim Spanjol 1-0. Dan kien it-tieni suċċess għat-tim ta’ Stefan Kuntz wara li kienu rebħu fl-2009. Għal Spanja dan kien diżappunt hekk qabel il-bidu tat-tournament, kienu l-akbar favoriti li jirbħu t-tournament.
Il-Ġermanja marru qrib li jiftħu l-iskor wara tmien minuti meta minn kross mix-xellug, Max Meyer daħal tajjeb u prova b’daqqa ta’ ras b’saħħitha, li iżda stampat mal-wieqfa. Reazzjoni minn Spanja li ħames minuti wara marru wkoll viċin, b’daqqa ta’ ras mill-plejer ta’ Arsenal Hector Bellerin li għaddiet ftit barra wara li għola tajjeb għal kross mil-lemin.
Il-Ġermaniżi skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fl-40 minuta meta minn kross mil-lemin ta’ Jeremy Toljan, kien Mitchell WEISER li b’daqqa ta’ ras fuq it-tieni lasta mill-bogħod qabbeż Arrizabalaga u skorja.
Fit-tieni taqsima, Spanja kienu aħjar u żiedu l-isforzi. Mas-siegħa logħob, xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Saul Niguez ġie mdawwar f’korner minn Pollersbeck. Il-Ġermanja marru qrib it-tieni gowl fit-62 minuta meta minn korner, id-difensur Marc-Oliver Kempf għola tajjeb, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra.
Fis-76 minuta, Spanja reġgħu marru viċin b’xutt ta’ Gerard Deulofeu li ġie imxellef b’mod providenzjali minn Stark. Fl-aħħar kwarta, Spanja komplew jattakkaw, iżda l-Ġermanja ddefendew bil-għaqal biex kisbu r-rebħa.
//= $special ?>