Lokali

L-Assoċjazzjoni tal-Awtomobilisti tappella dwar il-monopolju tal-Gvern fis-settur tal-fuels

Fil-pajjiżi kollha Ewropej, il-kumpaniji privati li jbigħu l-fuels jagħmlu l-profitti tagħhom, bil-Gvern jiġbor id-dazji u t-taxxi minn dak il-bejgħ. Iżda mhux l-istess f’Malta, bil-Gvern mhux biss jiġbor id-dazji u t-taxxi mill-bejgħ, iżda jagħmel ukoll il-profitt grazzi għall-kumpanija statali Enemed.

Innota dan, Alfred A. Farrugia mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Awtomobilisti, li rrefera wkoll għall-fatt kif il-Gvern Malti qed jaġixxi hu stess ta’ negozjant, filwaqt li l-ammont totali ta’ dazji f’pajjiżna hu 9ċ aktar mill-medja fil-kumplament tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Meta wieħed iqis dan kollu, kompla Farrugia bħala eżempju, il-prezz tal-petrol f’Malta hu 13ċ ogħla mir-Renju Unit, jiġifieri 23 fil-mija ogħla. Għaldaqstant, staqsa kif l-Enemed ma tixtrix il-fuels mill-istess sorsi li jinxtara mir-Renju Unit.

L-istess jgħodd fil-każ tad-diesel, li f’Malta hu 11ċ ogħla mill-prezz fl-Islovenja. Dan ifisser 21 fil-mija ogħla. Alfred A. Farrugia innota li hu f’pajjiżna biss li ssib prezz wieħed biss għall-petrol u prezz wieħed biss għad-diesel.

Għaldaqstant, hu appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi dwar dan, speċjalment meta din l-istituzzjoni kienet fittxet tagħlaq il-proċeduri kontra l-monopolju li jeżisti f’pajjiżna fis-settur tal-fuels. U dan meta s-sitwazzjoni f’Malta qed twassal għal monopolju, li suppost mhux aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea.