Il-Qorti illum laqgħet l-appell li għamel l-Ispettur Elton Taliana dwar każ ta’ libell li hu kien fetaħ kontra It-Torċa – każ li jmur lura għall-2013 meta l-gazzetta tal-GWU kienet allegat li l-Ispettur kien jaf li ġie arrestat raġel bi żball, Darryl Luke Borg, wara hold-up fuq il-Convenience Shop ta’ Birkirkara.
Fil-11 ta’ Awwissu 2013 It-Torċa kienet qalet li Darryl Luke Borg kien spiċċa l-ħabs intortament; l-Ispettur kien jaf bl-iżball u ma għamel xejn.
Bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti illum qalet li dan il-kliem kien malafamanti u sabet lill-editur Alex Farrugia ħati ta’ libell. Is-sentenza ingħatat mill-Imħallef Anthony Ellul.
L-Imħallef ikkonkluda li mhux veru illi Taliana kien ilu jumejn sħaħ jaf li l-persuna arrestat kien innoċenti, u mhux veru li hu ma għamel xejn. Għalhekk, ħassar is-sentenza li kienet ingħatat fit-28 t’April tas-sena li għaddiet.
Il-Qorti ordnat lill-gazzetta tal-GWU tħallas is-somma ta’ €500.
//= $special ?>