Internazzjonali

L-Istati Uniti: Tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar għal sitt pajjiżi

Iċ-ċittadini minn sitt pajjiżi ta’ maġġoranza Musulmana u r-refuġjati kollha qegħdin jiffaċċjaw kriterji ħafna aktar iebsin biex jidħlu fl-Istati Uniti, b’dan ikun dovut għad-direttiva eżekuttiva kontroversjali li kien ressaq xhur ilu, il-President Amerikan Donald Trump.

Dan ifisser li n-nies mingħajr konnessjoni ta’ familja ‘mill-qrib’ jew li mgħandhomx assoċjazzjoni ewlenija fil-qasam tan-negozju ( fl-Istati Uniti) jistgħu jiċċaħħdu minn visa u li jfisser li ‘il-bibien qed jingħalqu għalihom’.

Intant, saret referenza għal preżenza ta’ avukati fl-ajruporti tal-Istati Uniti,  fejn huma kienu qegħdin jagħtu l-pariri b’xejn lin-nies li nqabdu fis-sitwazzjoni skomda.

Madankollu ma kien hemm l-ebda sinjal tal-kaos li affettwa lin-nies mill-pajjiżi inkwistjoni meta huma kienu qed jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti fiż-żmien meta daħlet fis-seħħ l-ewwel versjoni tad-direttiva. Dik il-verżjoni partikulari tal-projbizzjoni kienet saret effettiva għal xi żmien f’Jannar li għadda u fi kwistjoni ta’ ftit sigħat biss.

In-nuqqas ta’ konfużjoni fl-ajruporti, din id-darba, jista’ hu dovut għall-fatt li d-direttiva eżekuttiva ma taffettwax lin-nies li għandhom f’idejhom diġà l-visas validi u l-green card.

Fl-istess ħin, kelliema għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (Homeland) qed jistennew li jaraw xorta ‘ir-rutina tas-soltu’ fl-ajruporti.

Id-direttiva kontroversjali qed tkun applikata fir-rigward ta’ ċittadini mil-Libja, l-Iran, is-Sirja, is-Somalja, is-Sudan u l-Jemen – minbarra r-refuġjati kollha.

In-nies li ġejjin mis-sitt pajjiżi msemmija jistgħu jidħlu l-Istati Uniti f’każ li r-relazzjoni tagħhom ma’ persuna residenti f’dak il-pajjiż tinvolvi r-rwol ta’ ġenitur, wild jew parti minn żwieġ.  Jista’ jingħata permess ukoll lit-tfal tar-rispett tar-residenti fl-Istati Uniti, bil-Gvern ta’ Trump jaddotta wkoll ‘bidla ta’ l-aħħar minuta’ biex jestendi d-definizzjoni ta’ close family ħalli tinkludi lill-għarajjes.

Intant, mhumiex qed ikunu kunsidrati qraba bħan-nanniet, iz-zijiet, in-neputijiet, il-kunjati u membri oħrajn ta’ familja estiża.

L-Avukat Ġenerali tal-Istat tal-Hawaii, fl-istess ħin, ressaq l-argument li d-definizzjoni ta’ ‘familja’, f’dan il-każ, hi ristretta wisq u kapaċi twaqqaf, inġustament, lill-barranin milli jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti,

Fl-istess ħin, l-American Civil Liberties Union (ACLU) qal li se jkun qed isegwi mill-qrib il-mod kif qed tkun implimentata d-direttiva eżekuttiva – bil-Qorti Suprema tal-Istati Uniti mistennija tieħu deċiżjoni finali dwar il-projbizzjoni fis-sessjoni li jmiss, li hi programmata għal Ottubru.