Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Impenjata biex tgħin aktar fil-kriżi tal-immigranti

Il-Kummissjoni Ewropea, il-ġimgħa d-dieħla, se tiddiskuti aktar miżuri mal-Italja u l-Greċja biex tgħin liż-żewġ pajjiżi jikkontrollaw aħjar l-influs tal-immigranti irregolari.

Dan qalu l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, li, fost oħrajn, sostna li l-Italja u l-Greċja ma jistgħux jitħallew waħedhom biex jiffaċċjaw il-kriżi umana.

Fil-preżent, qegħdin jaqsmu tliet darbiet aktar immigranti mil-Libja għall-Italja milli kien il-każ, madwar sena ilu.

Intant, meta kien mistoqsi x’tista’ tagħmel il-Kummissjoni biex tgħin lill-Italja, Juncker wieġeb li hu, il-ġimgħa d-dieħel, se jevalwa s-sitwazzjoni, flimkien mal-Prim Ministri tal-Italja u l-Greċja, ‘u fejn huma jaraw xi sforzi addizzjonali tista’ timpenja ruħha għalihom il-Kummissjoni biex ittaffi l-piż tal-immigranti għaż-żewġ pajjiżi inkwistjoni’.

Nhar il-Ħamis, Juncker kien iddiskuta l-kwistjoni waqt laqgħa, f’Berlin, mal-Prim Ministru Taljan, Paolo Gentiloni u l-mexxejja l-oħrajn tal-Istati kbar tal-Unjoni Ewropea li huma membri tal-G20 – il-grupp tal-għoxrin l-akbar pajjiżi industrijalizzati.

Meta  kellem lill-ġurnalisti fl-Estonja, Juncker sostna li ‘ilu jgħid li l-Italja u l-Greċja ma jistgħux jitħallew waħedhom biex jiffaċċjaw il-kriżi tar-refuġjati’. Hu għadda dawn il-kummenti wara l-kwinti ta’ laqgħa li kellu mal-Gvern Estonjan, f’Tallinn.

Sadanittant, Juncker ċaħad għas-suġġerimenti li l-Unjoni Ewropea naqset milli tgħin lill-pajjiżi fejn qegħdin jaslu l-akbar ammonti ta’ immigranti irregolari.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġja t-talba tal-Italja biex il-pajjiżi l-oħra tal-UE jippermettu ħalli d-dgħajjes li joħorġu biex isalvaw lill-immigranti fuq il-baħar, ‘il quddiem, jitfgħu l-ankri fil-portijiet tagħhom.