Mario Bugeja – Malti ta’ 47 sena li ritratt tiegħu ġie ppubblikat fil-midja Taljana – ġie arrestat eżatt qabel ħalla Pozzallo lejn Malta abbord l-katamaran Jean de la Vallette bi 22 kilogramma droga moħbija fil-karozza tiegħu.
Bugeja qajjem is-suspetti tal-pulizija u meta affaċċjat mill-uffiċjali, hu deher nervuż ħafna, beda jitriegħed u jogħroq ħafna waqt li pprova jevita l-mistoqsijiet tal-Pulizija u ma kienx kapaċi jagħti raġuni għaliex kien fi Sqallija.
Kien hawn li saret tfittxija bl-użu tal-klieb li wrew interess fil-karozza u għalhekk il-vettura kienet sekwestrata biex saret it-tfittxija. Fuq ġewwa, taħt is-seat ta’ wara, instab kompartament moħbi li seta’ jiġi aċċessat biss permezz ta’ buttuna u mimli bi 22 kilogramma ta’ droga.
Jingħad li din hi waħda mill-ikbar qabdiet tad-droga li qatt saru f’Ragusa, bil-karozza tinstab mimlija b’pakketti tad-droga: 13-il kikogramma kokaina u 9 kilogrammi eroina. Waqt li jridu jsiru t-testijiet fuq din id-droga, il-valur tagħha hu maħsub li jaqbeż il-€5 miljun.
Il-Malti nżamm arrestat fil-ħabs ta’ Ragusa.
//= $special ?>