Futbol Sport

Pellegrini uffiċjalment plejer ta’ Roma

Pellegrini preżentat bħala plejer ta' Roma

Roma ħabbru b’mod uffiċjali l-akkwist ta’ Lorenzo Pellegrini mingħand Sassuolo. Il-plejer Taljan ingħaqad ma’ Roma għal €10 miljuni wara sentejn ma’ Sassuolo u ffirma kuntratt ta’ ħames snin sal-2022.

Pellegrini li proprju prodott ta’ Roma qal li hi xi ħaġa inkredibbli li jerġa’ lura u sostna li dak kien l-għan tiegħu meta mar ma’ Sassuolo. Fis-sentejn li Pellegrini għamel ma’ Sassuolo, hu lagħab 54 logħba u fl-aħħar staġun minn 28 logħba fil-kampjonat, skorja sitt gowls u għamel seba’ assists, filwaqt li lagħab fl-Europa League mal-istess klabb.

Il-midfielder għamel id-debutt internazzjonali mal-Italja f’Ġunju qabel ma kien wieħed mill-plejers importanti tat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena li wasal sas-semifinali tal-Kampjonat Ewropew fil-Polonja. Pellegrini se jkun qed jilbes il-flokk numru 7. Hu kien għamel id-debutt fis-Serie A ma’ Roma f’Marzu tal-2015 f’logħba kontra Cesena. Pellegrini se jsir it-tielet plejer mill-akkademja ta’ Roma fl-ewwel tim flimkien ma’ Daniele De Rossi u Alessandro Florenzi.