L-aħħar tislima lil Pietru Pawl Busuttil f’raħal twelidu u fost il-komunità li tant ħadem għaliha.
Fil-lokal ta’ Ħal Safi diversi persuni sellmu lil Pietru Pawl Busuttil, il-bniedem li f’Diċembru 1986 kien vittma ta’ frame-up li kien sar fuqu meta fir-razzett tiegħu kienet tpoġġiet l-arma li biha nqatel Raymond Caruana.
Pietru Pawl Busuttil, li serva bħala sindku ta’ Ħal Safi, miet jumejn ilu wara li kien qed ibati mill-marda tal-kanċer u kien rikoverat fl-Isptar Sir Anthony Mamo.
Fl-omelija tal-funeral, il-Kanonku David Farrugia, Kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Safi, tkellem dwar il-kwalitajiet ta’ Pietru Pawl Busuttil u qal li ħajtu hi mmarkata b’ritratti differenti, fosthom tal-inġustizzja li sofra.
Minkejja dan, Pietru Pawl Busuttil tfisser bħala persuna li rnexxielu jgħix ħajtu b’mod pożittiv, u ħadem biex jagħmel il-ġid lill-komunità.
Għall-quddiesa presente cavadavere ta’ Pietru Pawl Busuttil attendew diversi personalitajiet fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, deputati, uffiċjali tal-PN, il-Presidenti Emeritus Eddie Fenech Adami u Ugo Mifsud Bonnici, u l-familja ta’ Pietru Pawl Busuttil.
Uħud minn dawn il-personalitaliet, partikolarment Eddie Fenech Adami kien ferm viċin Pietru Pawl Busuttil fil-ġranet diffiċli meta fl-1986 twettaq il-frame-up fuqu; frame-up li jibqa’ msemmi għall-involviment ta’ kriminali tal-politika u pulizija.
Frame-up li sar bl-iskop li l-ħtija tal-qtil ta’ Raymond Caruana tintefa’ fuq Pietru Pawl Busuttil, bniedem innoċenti. Innoċenza li kienet konfermata mill-qorti fil-proċess li l-pulizija għaddew lil Pietru Pawl Busuttil.
Spikkat fuq kollox il-preżenza ta’ numru kbir ta’ Maltin, attivisti tal-PN u li kienu viċin tiegħu fil-mumenti diffiċli tal-frame-up.
Fi tmiem il-quddiesa presente-cadavere, il-kongregazzjoni fil-knisja u barra sellmet għall-aħħar darba lil Pietru Pawl Busuttil b’ċapċip.
Wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u t-tmexxija marru jiffirmaw il-ktieb tal-kondoljanzi.
//= $special ?>