Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, issieħeb fit-taħditiet ta’ livell għoli li huma intiżi għar-reunifikazzjoni ta’ Ċipru, li ilu mill-1974 mifrud fuq il-linji etniċi. Is-sehem ta’ Guterres, intant, għandu jgħin biex jitwarrbu l-ostakli għal ftehim għall-paċi fil-gżira-Stat inkwistjoni, li hi membru tal-Unjoni Ewropea.
Guterres qal li ‘in-naħat emozzjonali u razzjonali’ taċ-Ċiprijotti Griegi u ċ-Ċiprijotti Torok jirriflettu kwalitajiet li jistgħu jintużaw biex jirrisolvu l-problemi li qegħdin ixekklu ftehim potenzjali bejn in-naħat rivali tal-gżira.
Intant, jumejn ta’ taħditiet fir-resort Żvizzeru ta’ Crans-Montana ma għamlu l-ebda progress sinjifikanti lejn is-sigurtà futura ta’ Ċipru. Il-kwistjoni tas-sigurtà għaċ-Ċiprijotti hi waħda importanti ferm u tirrifletti direttament fuq kwalunwke ftehim għall-paċi ġenerali.
Is-Segretarju Ġenerali Guterres, fl-istess ħin, jinsab għaddej bil-kuntatti mal-President ta’ Ċipru, Nicos Anastasiades, il-Mexxej taċ-Ċiprijotti Torok, Mustafa Akinci u l-ogħla diplomati tal-Greċja, it-Turkija u r-Renju Unit (bħala s-sostenituri ewlenin tal-proċess għal Ċipru) dwar il-mezzi li jneħħu l-ostakli għall-progress.
Minkejja li Ċipru ssieħeb fl-UE fl-2004, hi biss is-sezzjoni Ċiprijotta-Griega – is-sede tal-Gvern f’Nikosija li jgawdi l-għarfien Ewropew – li qed tgawdi l-benefiċċji sħaħ mill-isħubija.
It-Turkija, sadanittant, qed tinjora s-sejħiet tal-Greċja u taċ-Ċiprijotti-Griegi biex tneħħi lis-suldati tagħha mir-reġjun separatista (amministrat mit-Torok) lejn it-Tramuntana ta’ Ċipru, ladarba ssir ir-reunifikazzjoni tal-gżira bħala federazzjoni.
Fl-istess ħin, it-Turkija tinsisti li kwalunkwe ftehim għall-paċi għandu jiggarantixxi liċ-ċittadini Torok id-dritt li jirrilokaw u jittrasferixxu l-flus, is-servizzi u l-prodotti lejn Ċipru, bħala Stat tal-UE.
//= $special ?>

