Lokali

It-tkeċċija taż-żewġ uffiċjali mill-FIAU hi prova li l-liġi m’għadiex tgħodd f’pajjiżna – PN

L-aħbar tat-tkeċċija ta’ żewġ uffiċjali għolja fl-FIAU hija prova ċara li f’pajjiżna, l-liġi m’għadiex tiswa’, sostna il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ll-FIAU hija l-aġenzija li investigat kazi ta’ ħasil ta’ flus li fihom hemm involuti ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Rapporti fil-media jindikaw li ż-żewġ uffiċjali għolja – Head of Compliance u Head of Financial Analysis Section – tneħħew mill-karigi li kienu jokkupaw mingħajr ebda raġuni. Iż-żewġ uffiċjali għolja li tkeċċew mill-FIAU huma persuni b’esperjenza vasta – wieħed f’diversi pajjiżi madwar id-dinja u l-ieħor fil-Korp tal-Pulizija f’Malta.

Dawn it-tkeċċijiet saru ftit jiem biss wara li l-Ministru Edward Scicluna ħareġ jattakka u jhedded lil min kien qed jagħmel dawn l-investigazzjonijiet, u li saħansitra prova jimplika li r-rapporti kienu qed jinkitbu minn motivazzjoni politika.

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ċar li t-tkeċċijiet mill-FIAU saru bi tpattija għall-ħidma tagħhom b’tant serjetà. Il-Gvern mingħalih li għax rebaħ l-elezzjoni jista’ jkaxkar lil kulħadd. Din hija sitwazzjoni ta’ kollass tal-liġi f’pajjiżna u kull min jobdi l-liġi għandu ghaliex jinkwieta.

Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jibqa’ jaħdem sakemm f’pajjiżna jerġgħu jirrenjaw il-prinċipji tal-ġustizzja u l-ħarsien tal-liġi f’pajjiżna.