Ambjent Lokali

FILMAT: Agius Decelis ma jafx jekk għandux minn sħabu mdaħħlin

“Ma nafx jekk għandix sħabi fil-Parlament li huma mdaħħlin mal-iżviluppaturi u jekk ħadux flus mingħandhom għall-kampanja elettorali.” Din kienet it-tweġiba tas-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis meta kien mitlub minn residenti f’Ħ’Attard sabiex jgħaddilhom kelma mal-Gvern.

Din it-tweġiba ħasdet lil numru ta’ residenti fi Triq Dun Mikiel Xerri li s-Sibt filgħodu inġabru fi protesta kontra l-iżvilupp propost ta’ diversi maisonettes, appartamenti u penthouses f’wieħed mill-ftit postijiet miftuħa li fadal fil-lokalita’.

Preżenti għal din il-protesta kien hemm ukoll Membri Parlamentari fosthom il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Agius, id-Deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Agius Decelis.

Ħafna mir-residenti qed jistaqsu għaliex il-Gvern qed jibqa’ għaddej bl-iżvilupp propju f’Ħ’Attard meta proġetti simili fil-periferiji ta’ lokalitajiet oħra kienu irtirati.

Anna Schembri, residenta fl-inħawi, qalet li l-iżvilupp propost se jeqred il-karatteristiċi urbani tal-lokalita’ li hi magħmula prinċiparjament minn djar detached u semi-detached. Skont il-pjani tal-iżviluppaturi, dawn jistgħu itellgħu sa 4 sulari maisonettes u appartamenti u penthouses fil-ħames sular.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina qal li idealment, dan il-post ma jiġix żviluppat iżda jekk se jsir l-iżvilupp, dan għandu jsir skont il-karatteristiċi residenzjali tal-madwar u mhux massa ta’ bini bi żvilupp eċċessiv.

Fi stqarrija, il-Kunsillier tal-Alternattiva f’Ħ’Attard Ralph Cassar, qal li f’pajjiżna għandna politika li tiffavorixxi l-ispekulazzjoni u tkompli tagħlaq il-ftit spazji miftuħa li fadal fit-truf tal-irħula u l-ibliet.

Sadanittant, l-ewwel smiegħ dwar dan l-iżvilupp mill-Awtorita’ tal-Ippjanar mistenni jsir it-Tnejn.