Lokali

FILMAT: Ħidma volontarja li tmur lura 135 sena

Bħal kull sena fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann, l-Għaqda volontarja St John Association ittella’ attivita’ pubblika li turi l-ħidma tat-tliet taqsimiet tagħha f’każ ta’ emerġenza.

L-eqdem minn dawn it-taqsimiet, li tmur lura 135 sena hija s-St John Training Branch, li tipprovdi taħriġ fl-ewwel għajnuna lill-pubbliku fuq diversi postijiet tax-xogħol. Din it-taqsima hi mmexxija mit-Tabib Chevalier Jaime Cremona.

Taqsima oħra hi dik magħrufa bħala St John Ambulance. Imwaqqfa fl-1909, din it-taqsima wkoll tipprovdi taħriġ speċjalizzat lill-voluntieri tagħha, li jkunu qed jassistu f’servizzi ta’ emerġenza, b’mod partikolari f’avvenimenti tal-massa. Kif spjegat il-Kap ta’ din it-Taqsima Gemma Sirol, in-numru ta’ voluntieri baqa’ wieħed kostanti, b’uħud minnhom ilhom joffru servizz għal diversi snin.

Imwaqqfa fl-1986, l-iktar taqsima riċenti hi s-St John Rescue Corps. Din it-taqsima tħarreġ volontieri biex jassistu lill-forzi tal-istat f’ħidma ta’ salvataġġ, kemm f’każ ta’ nirien kbar, kif ukoll salvataġġ fuq il-baħar. Il-Kap tat-taqsima, Andrew Grech, jispjega kif is-St John Rescue Corps jaħdmu flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Din is-sena, l-attivita’ pubblika kellha tiċċaqlaq mill-ġurnata oriġinali tagħha hekk kif is-Sibt li għadda, kien hemm il-ftuħ uffiċjali tal-Parlament.

B’kollox, is-St John Association tħaddan mal-250 voluntier.