Aktar kemm jgħaddu jiem aktar qed ikompli jidher biċ-ċar kemm is-sistema tal-VAR se tibda tintuża f’kull kompetizzjoni tal-FIFA. Dan hekk kif issa l-President tal-FIFA stess Gianni Infantino faħħar l-esperiment li sar waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u qal li din is-sistema hi l-futur tal-futbol.
Il-VAR, il-Video Assistant Referee hi sistema li tintuża fejn jidħlu għoti ta’ penalties, jew gowls l-aktar meta r-referee jkun tilef il-pożizzjoni jew il-perspettiva tiegħu sabiex jiddeċidi fuq azzjoni simili.
Il-VAR diġa’ intużat f’Diċembru li għadda waqt it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għall-Clubs fil-Ġappun u matul dawn l-aħħar ġimgħat intużat waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet imma kien hemm diversi li maqdru s-sistema.
Fis-semifinali bejn iċ-Ċili u l-Portugall kien hemm episodju li tefa’ d-dubji fuq kemm hi tajba din is-sistema, hekk kif l-assistent tal-video naqas li jiġbed l-attenzjoni lir-referee dwar kuntatt bejn Fonte u Silva li kellu jingħata bħala penalty. Il-persuna li jagħżel ir-referees tal-FIFA Massimo Busacca tkellem fuq din il-kwistjoni fejn qal b’mod ċar li “l-VAR mhix infallibbli.
Minkejja dan kollu jidher li Infantino hu kompletament favur li din is-sistema tibqa’ tintuża u qal li issa jonqos biss biex l-uffiċjali jidrawwha aktar.
Dwar il-VAR tkellem anke Pierluigi Collina l-eksreferee internazzjonali Taljan li attwalment qed jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Kumitat tar-Referees u qal li diġà tkellem ma’ xi referees u qalulu li qed iħossu inqas pressjoni fuqhom la darba jafu li hemm din is-sistema li tgħinhom.
Ta’ min jiftakar li aktar kmieni matul din is-sena, l-Federazzjoni tal-Football Ġermaniża kienet ħabbret li se tibda tuża l-VAR fil-kampjonat tal-istaġun li jmiss li jibda f’nofs Awwissu li ġej.
//= $special ?>