Lokali

Imnedija mill-ġdid il-Kilimanjaro Challenge

Inizjattiva li bdiet 13-il sena ilu, bħala attività ta’ ġbir ta’ fondi għall-proġett li ried jagħmel Dun Ġorġ Grima mill-Moviment Missjunarju Ġesu fil-proxxm, din is-sena qed issir għall-ħdax-il darba u din hija l-Kilimanjaro Challenge.

Din l-inizjattiva matul dawn is-snin li ilha ssir irnexxielha tiġbor madwar 700,000 ewro, għall-proġetti li saru kemm fil-Kenja u anke fl-Etijopja.

B’kollox il-kilimanjaro challenge irnexxielu jtella’ fuq din il-muntanja madwar 200 persuna, li ħafna minnhom temmewha b’suċċess minħabba li qabel issir din l-isfida jkun hemm taħriġ intensiv li jipprepara lill-parteċipanti għal din l-isfida.

Keith Marshall il-fundatur ta’ din l-inizjattiva, qal li din l-attivita mhix biss attività filantropika imma wkoll esperjenza li tgħaqqad gruppi differenti ta’ nies li ttihom esperjenza unika f’ħajjithom.

Għal din l-edizzjoni se jkunu qed jidħlu għal din l-isfida dsatax-il parteċipant, li qatt f’ħajjithom ma kienu esperjenzaw xi ħaġa ta’ dan it-tip.

Reuben Balzan wieħed mill-parteċipanti għall-edizzjoni ta’ din is-sena qal li l-iktar ħaġa importanti għall-parteċipanti hi dik li jinġabru l-fondi meħtieġa għall-proġett ta’ skola fl-Etijopja. Proġett li għalih hemm bżonn li jinġabru 75,000 ewro. U kien għalhekk li dan l-għan hu ta’ ispirazzjoni għall-grupp kollu.

L-esperjenza għal din is-sena se tibda fis-27 ta’ Diċembru bit-tim mistenni jilħaq il-quċċata tal-muntanja fis-sitta ta’ Jannar.