Internazzjonali

Ir-Renju Unit: L-aħħar ħinijiet kommoventi ma’ tarbija traġika

Il-ġenituri ta’ tifel (tarbija) b’marda terminali qed iqattgħu ‘l-aħħar sigħat’ maġenbu fl-Isptar ta’ Great Ormond, f’Londra, u fost stennija li, f’xi ħin, għandha tintefa’ l-magna li qed iżżomm lit-tarbija ħaj.

Iċ-ċkejken, Charlie Gard, li għandu 10 xhur u li qed ibati minn kundizzjoni ġenetika rari, ilu s-suġġett ta’ battalja legali twila. Dan meta l-ġenituri riedu li Charlie jintbagħat lejn l-Istati Uniti biex jgħaddi minn terapija li għadha fi stadju ta’ prova, bl-ispeċjalisti fl-Isptar ta’ Great Ormond ikomplu jinsistu li dan it-tip ta’ trattament ‘għadu wieħed sperimentali’ u m’għandux jgħin lit-tifel, fiċ-ċirkustanzi.

Aktar kmieni fil-ġimgħa, il-ġenituri tat-tarbija, Chris Gard u Connie Yates, kienu ħarġu filmat emozzjonali fejn qalu li ‘huma kienu infurmati li Charlie kellu jmut fi tmiem il-ġimgħa’. Huma qalu li ma ntlaqgħetilhomx it-talba finali biex ‘jieħdu lil binhom magħhom biex imut id-dar’ u anki qed iħossuhom ‘ittraduti’ wara li tilfu l-ġlieda legali.

Jidher, intant, li Charlie jista’ fadallu ‘ftit ġranet oħra ta’ ħajja’, bis-sitwazzjoni tiegħu tqanqal ħafna messaġġi ta’ simpatija u solidarjetà minn madwar ir-Renju Unit u minn kull rokna tad-dinja. Intbagħtu wkoll aktar mill-ekwivalenti ta’ 1.5 miljun ewro f’donazzjonijiet biex Charlie jittieħed l-Istati Uniti għal terapija.

Il-ġenituri tat-tifel traġiku, li ġejjin minn Bedfont, fil-Punent ta’ Londra, kienu anki talbu lill-imħallfin fil-Qorti Ewropea ta’ Strasbourg ( fi Franza) biex jikkunsidraw it-talba tagħhom rigward binhom. Dan wara li l-Imħallfin fil-Qorti Suprema ta’ Londra kienu ddeċidew favur il-pożizzjoni tal-awtoritajiet fl-Isptar ta’ Great Ormond li sostnew li ‘ma jkunx fl-interess ta’ Charlie’ li jiċċaqlaq f’dan il-perjodu delikat.

Intant, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani, jiem ilu, irrifjutat li tintervjeni fil-każ, bil-kelliema għall-Isptar ta’ Great Ormond, issa, jgħidu li ‘t-tmexxija tal-isptar, flimkien mal-ġenituri ta’ Charlie, qegħdin jimplimentaw il-pjani biex iċ-ċkejken jibqa’ jingħata l-aħjar forom ta’ kura  u biex din il-familja tkun tista’ tqatta’ aktar ħin flimkien’.