Ir-ritratt tal-Pjazza ta’ Ħal Safi waqt l-aħħar tislima lil Pietru Pawl Busuttil fil-funeral li sar ilbieraħ waranofsinhar, jiddomina l-ewwel paġna tal-ġurnal In-Nazzjon. It-titllu fuq ir-ritratt jikkwota kliem il-kappillan ta’ Ħal Safi li waqt l-omelija fisser il-ħajja ta’ Pietru Pawl Busuttil bħala waħda mmarkata b’ritratti differenti… fosthom tal-inġustizzja li sofra.
Iż-żewġ stejjer ewlenin fil-ġurnal jittrattaw il-qabda kbira ta’ droga li wettqu b’suċċess il-Pulizija Taljana fi Sqallija li kienet fi triqitha lejn Malta, kif ukoll it-tkeċċija taż-żewġ uffiċjali mill-FIAU, li l-Partit Nazzjonalista fisser li hi prova li l-liġi m’għadhiex tgħodd f’pajjiżna.
Stejjer oħra jittrattaw l-elezzjonijiet każwali li se jsiru nhar it-Tlieta li ġej biex jimtlew il-postijiet ta’ kunsilliera fil-Kunsilli Lokali li kienu eletti fl-elezzjonijiet ġenerali tat-3 ta’ Ġunju; il-libell li l-Ispettur Taliana rebaħ lill-gazzetta tal-GWU, It-Torċa, il-maratona tal-volleyball li għaddejja dan il-weekend b’risq id-Dar tal-Providenza, u l-appell tal-Assoċjazzjoni tal-Awtomobilisti lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-monopolju tal-Gvern f’Malta fis-settur tal-prezzijiet tal-fuel.
Minbarra rapporti dwar id-dibattitu li sar din il-ġimgħa fil-Parlament, fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-kitba ta’ Salvu Felice Pace u r-riflessjonijiet ta’ Fr Reno Muscat u ta’ Fr Norbert Ellul Vincenti.
Żewġ paġni fil-ġurnal jagħtu informazzjoni dwar il-festi li qed jiġu ċċelebrati f’dan il-weekend fil-parroċċi f’Malta u f’Għawdex.
//= $special ?>