Internazzjonali

Strasbourg irodd ġieħ lill-eks-Kanċillier Ġermaniż Kohl

Il-Mexxejja tad-dinja illum attendew ċerimonja unika fil-belt Franċiża ta’ Strasbourg fejn fakkru l-ħajja tal-eks Kanċillier tal-Ġermanja, Helmut Kohl, flimkien mal-impatt li hu ħalla fuq l-Ewropa moderna.

Kohl, magħruf bħala l-‘missier tar-reunifikazzjoni tal-Ġermanja’ wara t-tmiem tal-era komunista fl-Ewropa,  miet ix-xahar li għadda, fl-età ta’ 87 sena. Hu kien anki l-ixprun wara l-integrazzjoni bejn il-pajjiżi-membri tal-Unjoni Ewropea u numru ta’ Mexxejja u persuni distinti fi Strasbourg, illum, tawh tislima solenni quddiem it-tebut tiegħu, li kienet imkeffna f’bandiera tal-UE.

Fost id-distinti li tkellmu waqt iċ-ċerimonja ddedikata lil Kohl kien hemm il-President tal-Ġermanja, Angela Merkel; il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron; il-Prim Ministru tar-Russja, Dmitry Medvedev; l-eks-President tal-Istati Uniti, Bill Clinton, u l-eks Prim Ministru Spanjol, Felipe Gonzales. Din kienet anki l-ewwel darba li l-Parlament Ewropew organizza avveniment ta’ dan it-tip biex juri rispett lil eks-Mexxej ta’ pajjiż.

Iċ-ċerimonja kienet ġiet proposta mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, li fisser lil Helmut Kohl bħala ‘protagonista u xprun għal bidla fl-Ewropa li hu (Juncker) kien tgħallem ħafna mingħandu.’

Id-difna ta’ Kohl se ssir illum fil-belt ta’ Speyer, fil-Ġermanja. Dan meta l-Ġermanja baqgħet ma organizzatx funeral statali għall-eks-Kanċillier fuq it-talba tal-armla (u t-tieni mara tiegħu) Maike Kohl-Richter.