Internazzjonali

Fetaħ in-nar ġewwa sptar ta’ New York qabel qatel ruħu b’idejh  

 

Tabib li għamel żmien jaħdem fi sptar ta’ New York qabel irriżenja fl-2015 fetaħ in-nar b’azzarin ġol-istess kumpless mediku fid-distrett tal-Bronx u fejn spiċċa joqtol tabiba,  b’numru ta’ nies jispiċċaw midruba gravi.

Din kienet l-aħħar f’sensiela ta’ sparaturi fl-Istati Uniti u t-tabib – identifikat bħala Henry Bello —  spiċċa joqtol ruħu b’idejh dritt wara l-attakk. Hu magħruf, intant, li t-tabib kien temm l-assoċjazzjoni tiegħu mal-isptar inkwistjoni minħabba akkużi li hu kien ‘ippersegwita lil xi persuni għal skop sesswali’.

L-isptar fejn seħħ l-attakk jismu Bronx-Lebanon u ilu jaqdi funzjoni fil-komunità għal 120 sena. Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ New York, Bill de Blasio, qal li l-isparatura ma kellha l-ebda skop terroristiku warajha, b’xi sorsi, issa, qed jikkwotaw tabib fl-isptar li qal li ‘Bello, qabel telaq, kien ħalef biex jivvendika ruħu mal-kollegi tiegħu’.

Uħud fost il-midruba fl-isparatura qegħdin jiġġieldu għal ħajjithom, bir-rapporti jgħidu li l-ewwel pulizija li wieġbu għall-emerġenza kienu sabu lill-aggressur mejjet fl-art, bl-azzarin li ntuża fid-delitt maġenbu. Jidher li fl-aħħar tad-drama, l-aggressur kien ipprova jagħti n-nar lilu nnifsu qabel dawwar l-azzarin għal fuqu.

L-isparatura inkwistjoni seħħet bejn is-sittax u s-sbatax il-sulari tal-isptar  fejn it-tobba u l-membri tal-istaff mediku kellhom jissakkru fi kmamar u sezzjonijiet tal-kumpless fost l-eqqel tal-paniku.

Sadanittant xi osservaturi qegħdin jgħidu li l-kwistjoni tas-sigurtà fl-isptar  mhix ta’ livell sodisfaċenti, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu.