Futbol Sport

TAZZA TAL-KONFEDERAZZJONIJIET – Il-Ħadd il-finali bejn il-Ġermanja u ċ-Ċili

Il-Ħadd il-Ġermanja u ċ-Ċili se jippruvaw jirbħu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet

Il-Ħadd fir-Russja tintlagħab il-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet bejn iċ-champions tad-dinja, l-Ġermanja u ċ-champions tal-Amerika t’Isfel, iċ-Ċili.

It-tnejn li huma se jkunu qed jippruvaw jirbħu dan it-turnament għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Il-Ġermanja ġieli ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni u l-aħjar li marru kien lura fl-2005 meta dakinhar kienu spiċċaw fit-tielet post fil-kompetizzjoni li organizzaw huma stess sena qabel ma organizzaw it-Tazza tad-Dinja.

Għaċ-Ċili din hi l-ewwel darba li qed jikkompetu fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u b’hekk jinsabu biċ-ċans li jirbħu t-turnament proprju fid-debutt tagħhom. Jekk jagħmlu dan ma jkunu serqu xejn għax il-wirjiet tagħhom qed ikunu mill-aktar pożittivi. Iċ-Ċili se jippruvaw jirbħu t-tielet unur maġġuri fi spazju ta’ tliet snin. Dan wara li fl-2015 u fl-2016 huma rebħu l-Copa America, id-darbtejn li huma bl-għoti tal-penalties kontra l-Arġentina.

Jiem ilu reġgħu kienu l-penalties li ppremjawhom hekk kif fis-semifinali eliminaw liċ-champions tal-Ewropa l-Portugall bl-eroj tagħhom ikun bla dubju l-gowlkiper Claudio Bravo li salva tliet penalties tal-avversarji. Il-logħba kontra l-Portugall kienet intemmet fi draw ta’ 0-0.

Biex waslu sal-finali l-Ġermaniżi kellhom biċċa xogħol ferm aktar faċli meta dawn għelbu lill-Messiku 4-1 u issa se jippruvaw jirbħu turnament maġġuri ieħor qabel ma sena oħra jippruvaw jiddefendu t-titlu mondjali li kienu rebħu tliet snin ilu fil-Brażil.

Qabel it-turnament kien hemm min ikkritika lill-kowċ nazzjonali tal-Ġermanja minħabba li ħalla diversi plejers titulari barra mill-iskwadra biex jagħti ċans lil plejers oħrajn imma dawn xorta waħda urew li kapaċi jimlew il-vojt tal-plejers titulari u waslu sal-finali mingħajr ebda problemi.

Il-logħba għall-Ġermaniżi mhux se tkun waħda faċli kontra tim li f’erba’ partiti skurja 11-il gowl. Jekk jirbħu t-trofew isiru l-ewwel tim Ewropew sa mill-2003 li jkun rebaħ il-kompetizzjoni. Iż-żewġ timijiet Ewropej li rebħu din it-tazza huma Franza u d-Danimarka. Madankollu ta’ min jinnota fatt kurjuż li kull min rebaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet qatt ma rebaħ it-Tazza tad-Dinja ta’ sena wara.

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-istatistika jinnota li l-Ġermanja jibdew favoriti kontra ċ-Ċili. Mill-aħħar erba’ konfronti li lagħbu kontrihom ma tilfu l-ebda waħda hekk kif rebħu tlieta u ġew draw darba filwaqt li l-aħħar telfa tal-Ġermanja kontra ċ-Ċili waslet f’partita ta’ ħbiberija lura fl-1968. Iċ-Ċili qatt ma għeleb lill-Ġermanja f’partita kompetittiva.

Jekk ikunu ċ-Ċili li jirbħu t-tazza jkun ifisser li kompla d-dominju tat-timijiet tal-Amerika t’Isfel. Dan hekk kif minn disa’ edizzjonijiet ħamsa minnhom intrebħu minn timijiet mill-Amerika t’Isfel.

Il-Brażil, l-aktar tim li qatt rebaħ din il-kompetizzjoni, din is-sena ma ħax sehem.

Aktar kmieni l-Ħadd ukoll tintlagħab il-partita għat-tielet u r-raba’ post bejn is-semifinalisti telliefa, jiġifieri l-Messiku u l-Portugall.