Żewġ uffiċjali għolja fi ħdan l-aġenzija tal-Gvern ta’ kontra l-ħasil tal-Flus, l-FIAU, tkeċċew eżatt wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna saqsa jekk ir-rapporti dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi inkitbu biex jiġu leaked.
Żvela dan il-ġurnal Times of Malta fejn sostna li Charles Cronin u Jonathan Ferris, li kienu jmexxu s-sezzjonijiet tal-compliance u l-financial analysis rispettivament, tkeċċew fis-sittax ta’ Ġunju, tliet ijiem wara li l-Ministru Edward Scicluna kien qal li l-Bord tal-FIAU, għandu jagħti spjega kif inħarġu r-rapporti dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Mistoqsijiet mibgħuta mill-ġurnal lil Ministru Edward Scicluna baqgħu mhux imwieġba.
Charles Cronin ingħaqad mal-FIAU f’Ottubru li għadda, qabel huwa kien jaħdem fis-servizzi finanzjarji kemm f’Londra, Jersey u anke Frankfurt.
Jonathan Ferris ingħaqad mal-FIAU, f’Novembru tal-2016. Qabel dan l-impjieg Jonathan Ferris kien spettur fil-Korp tal-Pulizija.
F’reazzjoni il-Partit Nazzjonalista għall-aħbar tat-tkeċċija ta’ dawn it-tnejn min-nies qal li huwa ċar li t-tkeċċijiet mill-FIAU saru bi tpattija għall-ħidma tagħhom b’tant serjetà.
Il-Gvern mingħalih li għax rebaħ l-elezzjoni jista’ jkaxkar lil kulħadd.
Din hija sitwazzjoni ta’ kollass tal-liġi f’pajjiżna u kull min jobdi l-liġi għandu ghaliex jinkwieta. Il-Partit Nazzjonalista sostna li huwa determinat li jibqa’ jaħdem sakemm f’pajjiżna jerġgħu jirrenjaw il-prinċipji tal-ġustizzja u l-ħarsien tal-liġi f’pajjiżna.
//= $special ?>