L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) ikkonfermat traġedja oħra fil-Mediterran li fiha jaħsbu li tilfu ħajjithom għexieren ta’ persuni li kienu telqu mil-Libja b’dinghy, bil-għan li jaslu l-Ewropa.
Din it-traġedja seħħet xi jiem ilu u kienet irrappurtata fl-aħħar sigħat — bl-awtoritajiet jemmnu li numru kbir ta’ immigranti x’aktarx li mietu mgħarrqin fiċ-ċirkustanzi.
L-inċident kompla jirrifletti l-gravità tal-kriżi tal-immigranti fir-reġjun tal-Mediterran ftit wara li l-Italja – li qed tilqa’ lill-maġġoranza tal-immigranti irregolari – ressqet protesta formali mal-Kummissjoni Ewropea minħabba d-diffikultajiet li qed tiffaċċja.
L-Italja qed taħseb ukoll biex tagħlaq il-portijiet tagħha lill-bastimenti ta’ pajjiżi oħra f’każ li ma jittieħdux il-passi serji ‘mill-Ewropa’ biex il-kriżi tittaffa u l-piż tal-problema umana jinqasam ‘b’mod aktar ġust’.
Ir-rapporti dwar l-aħħar inċident traġiku indikaw li d-dinghy inkwistjoni kien beda jdaħħal l-ilma xi sigħat biss wara li beda l-vjaġġ mil-Libja. Intant, xi 80 persuna li kienu fuq id-dinghy kienu salvati minn bastiment li nzerta fl-istess zona ta’ baħar u b’dawn, imbagħad, ikunu trasferiti għal fuq l-HMS Echo; bastiment militari tar-Renju Unit, li qed jgħin fl-impenn tal-Unjoni Ewropea għat-trażżin tat-traffiku tal-bnedmin fil-Mediterran.
Ingħad ukoll li ħafna mill-immigranti kienu damu s-sigħat ‘iggranfati ma’ biċċiet tad-dinghy’ sakemm waslet l-għajnuna, bl-aħħar rapporti jirreferu għal talanqas 60 immigranti nieqsa.
L-HMS Echo, matul il-ġimgħa li għaddiet, kien ħa sehem f’diversi azzjonijiet ta’ fejda fil-Mediterran u, nhar il-Ġimgħa, wassal madwar 550 persuna lejn il-port ta’ Brindisi, fl-Italja.
Eluf ta’ immigranti mill-pajjiżi Afrikani ta’ taħt is-Sahara qed jippruvaw jaslu l-Ewropa biex jaħarbu mill-faqar, il-ġuh u l-kundizzjonijiet ta’ gwerra. S’issa, din is-sena, madwar 100,000 għamlu dan il-vjaġġ perikoluż – b’eluf kbar jaqsmu l-Mediterran fl-aħħar ġimgħa biss. Hu kkalkulat li fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa, xejn anqas minn 12,000 immigrant waslu sal-kosta tal-Italja f’perjodu ta’ 48 siegħa.
//= $special ?>


