Futbol Sport

TRASFERIMENTI – Numru ta’ plejers iġeddu l-kuntratt

Alessandro Lucarelli

F’dawn l-aħħar jiem diversi plejers ġeddew il-kuntratt mal-klabbs rispettivi tagħhom.
Alessandro Lucarelli, li għandu 39 sena, se jkun qed jilgħab ma’ Parma fis-Serie B wara li ġedded il-kuntratt b’sena oħra mad-Ducali.

Id-difensur ingħaqad ma’ Parma fl-2008 u kien il-captian tat-tim meta dawn sfaw relegati mis-Serie A u ġew dikjarati falluti fl-2015.

Parma kellhom jerġgħu jibdew mis-Serie D u Lucarelli kien l-uniku player li baqa’ mal-klabb anke fid-diviżjonijiet tad-dilettanti. Wara ż-żewġ staġuni ta’ suċċess li kisbu promozzjoni, id-Ducali jinsabu lura fis-Serie B.

L-eksplejer ta’ Inter Fredy Guarin ġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb Ċiniż Shanghai Shenhua u issa hu marbut magħhom sal-2019. Guarin ġedded il-kuntratt proprju fil-jum li fih għalaq 31 sena.
Hu kien ingħaqad ma’ Shanghai Shenhua f’Jannar ta’ sena ilu meta dakinhar il-klabb ħallas is-somma ta’ madwar 11-il miljun ewro.

Il-playmaker tant segwit minn diversi klabbs Ewropej, Saul Niguez ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Atletico Madrid u issa hu marbut mat-tim tal-belt kapitali Spanjola sal-2026. Saul Niguez, li għad għandu 22 sena kellu wirjiet mill-aqwa anke mat-tim nazzjonali Spanjol ta’ taħt il-21 sena li f’dawn l-aħħar jiem wasal sal-finali tal-Kampjonat Ewropew.

PSG ħabbru li d-difensur Brażiljan Marquinhos ġedded il-kuntratt tiegħu sal-2022. Il-plejer ta’ 23 sena kien ingħaqad mat-tim Franċiż fl-2013 meta dakinhar kien ħalla lil Roma. Ta’ min jiftakar li f’dawn l-aħħar jiem PSG ġeddew anke l-kuntratt ta’ Edinson Cavani u ta’ Thiago Silva.