Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa lill-Korea ta’ Fuq li ‘spiċċa ż-żmien tas-sabar li ilu s-snin jintwera mal-Istat komunista’ u li issa hu xieraq għal reazzjoni determinata fil-konfront tar-reġim fi Pyongyang. Dan meta l-Korea ta’ Fuq ilha tipprovoka lill-komunità internazzjonali bil-provi kontinwi għall-armamenti projbiti.
Trump għadda l-kummenti meta l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, kien qed iżur il-White House ta’ Washington — bil-President Amerikan isostni li pajjiżu u l-Korea t’Isfel qegħdin jiffaċċjaw theddida kbira mir-reġim ta’ Pyongyang li qiegħed jaġixxi ‘b’mod brutali u mingħajr ma jqis il-konsegwenzi ta’ għemilu.’
Filwaqt li Trump ħeġġeġ biex il-Korea ta’ Fuq ma tkomplix fit-triq tal-konfront, il-President Moon qal li hu neċessarju li jibqa’ għaddej id-djalogu mal-Mexxejja komunisti fi Pyongyang.
Il-Mexxej Korean, intant, għamilha ċara li pajjiżu se jinsisti għal riformi fil-qasam tad-difiża waqt li jibqa’ jżid il-kapaċitajiet tiegħu biex jilqa’ għal xi attakk potenzjali min-naħa tal-ġar komunista.
Dan meta hu u l-President Trump qed ikomplu jagħtu priorità sħiħa lill-problema tal-Korea ta’ Fuq, fost l-insistenza li t-tisħiħ tas-sigurtà biss tista’ twassal għall-paċi ġenwina fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku.
//= $special ?>

