Lokali

AĠĠORNAT: Uffiċjal tad-Detenzjoni jġarrab ġrieħi gravi wara li spiċċa aggredit fil-Marsa

Uffiċjal tad-Detenzjoni miż-Żejtun kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li spiċċa aggredit f’Xatt il-Mollijiet, fil-Marsa, biswit iċ-ċentru miftuħ.

Il-każ seħħ għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ dagħodu meta mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li George Veneziani ta’ 61 sena sofra grieħi gravi hekk kif hebb għalieh raġel barrani.

Fuq il-post issejħu immedjatament uffiċjali tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, kif ukoll ambulanza li ħadet liż-Żejtuni l-Isptar għal aktar kura.

Filwaqt li l-Pulizija arrestat l-allegat aggressur, raġel Somalu ta’ 31 sena residenti Marsaxlokk, b’rabta mal-każ, aktar tard matul il-ġurnata tal-Ħadd,  Mahad Ali Mohamud, tressaq il-Qorti taħt arrest fejn ġie mixli li kiser imnieħer uffiċjal tad-detenzjoni.

Filwaqt li s-Somalu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, id-difiża m’għamiltx talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-akkużat inżamm taħt arrest.