Lokali

Ejja ningħaqdu mhux ninfirdu: appell biex jintlaqgħu l-emendi li jassiguraw ugwaljanza

Nittama li l-Gvern ikun serju biżżejjed biex jaħdem għall-għaqda nazzjonali, u jekk tassew jemmen fl-għaqda nazzjonali li jitkellem dwarha, l-Prim Ministru għandu jasal għal qbil fuq l-emendi għall-liġi dwar żwieġ ta’ persuni bejn l-istess sess, biex b’hekk din il-liġi tkun approvata bl-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101 li matulu tkellem dwar l-ewwel liġi li l-Gvern ippreżenta fil-Parlament – dik ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess – u li kienet fil-programmi elettorali taż-żewġ partiti politiċi, u li għalhekk, id-Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom jivvutaw favuriha.

Madanakollu, hu rrimarka li l-Gvern Laburista – biex jiprova jifred – għażel li f’din il-liġi, titneħħa r-referenza għal ‘omm’ u ‘missier’ u minflok, issir referenza biss għal ‘ġenitur’. Simon Busuttil qal li din hi xi ħaġa li kieku l-Gvern veru ried jgħaqqad, ma kienx jagħmilha, iżda minflok seta’ jżomm ir-referenza għal ‘omm’ u ‘missier’ u magħhom iżid ‘ġenitur’. Din hi emenda li se tkun qed tressaq l-Oppożizzjoni u li l-Gvern għandu japprovaha, sostna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-aħbar tat-tkeċċija ta’ żewġ uffiċjali għolja mill-FIAU – l-aġenzija li tinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus u li hi importanti f’pajjiż avvanzat, membru tal-Unjoni Ewropea u li jrid ikun ċentru ta’ servizzi finanzjarji.

Simon Busuttil fakkar li qabel l-elezzjoni sar magħruf li din l-aġenzija għamlet numru ta’ rapporti li fihom investigat liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u possibilment anke lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru Konrad Mizzi. Hu rrefera għal rapporti li hu stess ressaq quddiem il-Maġistrati, fejn l-FIAU qalet li għandha suspett raġjonevoli li Keith Schembri wettaq reati ta’ ħasil ta’ flus, u li jistgħu jwasslu għal piena ta’ ħabs ta’ 18-il sena. “Keith Schembri, iżda, mhux talli ma tkeċċiex minn Joseph Muscat, iżda talli l-Pulizija ma ħadet ebda passi u talli wara l-elezzjoni, Muscat reġa’ ħatru Chief of Staff,” qal Simon Busuttil.

Hu sostna li t-tkeċċija taż-żewġ uffiċjali tal-FIAU saret wara li l-Ministru Edward Scicluna implika li r-rapporti li saru, kienu saru b’motivazzjoni politika. “F’dan il-każ, il-Prim Ministru bagħat messaġġ li l-Gvern se jneżża’ l-istituzzjonijiet mill-ftit serjetà li kien baqgħalhom, għaliex se jneħħi lin-nies li jagħmlu xogħlhom,” sostna Simon Busuttil, filwaqt li spjega kif dan hu eżempju ieħor ta’ kemm il-liġi ma tgħoddx għal kulħadd f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li ntilfet l-elezzjoni, kemm hu bħala Kap kif ukoll fuq livell personali, se jibqa’ jiġġieled sakemm jara li l-ġustizzja f’pajjiżna ssir. “L-uniku tama li baqa’ biex issir il-ġustizzja hi f’idejn il-Maġistrati li qed jinvestigaw lil Keith Schembri u lil Joseph Muscat. Intom l-uniku tama li għad baqa’ fil-pajjiż biex il-liġi tgħodd għal kulħadd u biex issir ġustizzja,” temm jgħid Simon Busuttil.