Internazzjonali

Il-kriżi tal-Immigrazzjoni fl-Ewropa

Wara t-twissija mill-Gvern Taljan li l-pajjiż ma jiflaħx aktar għall-immigranti li qed jaslu fix-xtut Taljani, F’Pariġi saret laqgħa urġenti bejn l-Italja, Franza u l-Ġermanja.

Dan wara li f’temp ta’ jumejn biss daħlu 12,000 immigrant fl-Italja u b’diversi bliet u irħula qed ikun hemm problemi u tensjoni fost il-popolazzjoni lokali.

Din is-sena bil-baħar fl-Italja diġa daħlu aktar minn 83,000 immigrant – żieda ta’ 20 fil-mija mis-sena li għaddiet. Fil-maġġoranza l-vjaġġi telqu mil-Libja.

L-Italja heddet li tgħalaq il-portijiet tagħha u tissekwestra dawk il-bastimenti ta’ gruppi umanitarji li qed jiġbru lill-immigranti barra mill-kosta Libjana.

Anki n-Nazzjonijiet Uniti appellat biex l-Italja tingħata l-għajnuna mill-bqija tal-pajjiżi membri tal-UE għaliex mhux sew li din titqies problema biss tal-Italja.

Din il-ġimgħa anki l-Kummissjoni Ewropea qalet li s-sitwazzjoni fl-Italja bil-kriżi tal-immigranti m’hiex aktar sostenibbli u hemm bżonn l- appoġġ.