Lokali

IL-LIĠI DWAR IŻ-ŻWIEĠ GAY; Merkel u l-vot f’Malta – Ranier Fsadni

Opinjoni ta’ Ranier Fsadni pubblikata fil-gazzetta il-mument

Jumejn ilu, il-Ġermanja għaddiet liġi li tagħraf iż-żwieġ omosesswali. Il-Kanċillier Angela Merkel, il-Kap tal-Partit Demokristjan, ivvutat kontra. Iżda tat vot ħieles lill-Membri Parlamentari tal-partit tagħha. Dan x’għandu jfisser għall-każ ta’ Malta?

Il-Parlament għandu jivvota din il-ġimgħa dwar jekk l-unjonijiet ċivili għall-koppji omosesswali għandhomx jingħarfu bħala żwiġijiet. Ma huma se jinbidlu xejn id-drittijiet li diġà hemm. (Għalkemm hemm min hu mħasseb li kliem l-abbozz tal-liġi – mhux l-għan ewlieni – qed inaqqas mid-dinjità taż-żwiġijiet eterosesswali għaliex jelimina kliem bħal ‘raġel’, ‘mara’, ‘missier’ u ‘omm’. Jien illum dil-kwistjoni mhux ser nidħol fiha.)

Fil-programm elettorali tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kien wiegħed li, jekk ikun fdat bil-Gvern, hu wkoll kien se jirrikonoxxi ż-żwieġ gay. Iżda hemm xi Membri Parlamentari Nazzjonalisti li jixtiequ li jingħataw vot ħieles dwar din il-kwistjoni – sabiex ikunu jistgħu jivvutaw ‘Le’. (Dak li se ngħid ma jgħoddx għal min jaqbel mal-wegħda li għamel il-PN iżda ma jaqbilx mad-dettalji tal-liġi proposta mill-Gvern. Jgħodd għal min ma jħossux marbut mal-wegħda tal-PN.)

Il-PN għandu jżomm mal-wegħda elettorali

L-eżempju ta’ Merkel għandu jipperswadi lill-PN jagħmel l-istess bil-vot dwar l-istess kwistjoni? Ma naħsibx. Il-każijiet huma differenti. Il-PN għandu jżomm mal-wegħda elettorali. Qabel ma nagħti r-raġunijiet tiegħi, irrid nagħmel tliet punti aktar ġenerali.

L-ewwel, il-każ ta’ Merkel juri li ż-żwieġ gay għadu suġġett kontroversjali fl-Ewropa, mhux f’Malta biss. Hu minnu li t-tendenza hi li l-appoġġ li jkun rikonoxxut legalment dejjem qed tikber. Merkel dan għarfitu meta tat vot ħieles avolja l-pożizzjoni tal-Partit tagħha s’issa kienet kontra r-rikonoxximent.

Allura, meta jien ngħid li favur il-vot ‘Iva’ b’ebda mod ma jien qed ngħid li min hu kontra għandu xi pożizzjoni li wieħed għandu jiddieħak biha.

It-tieni, jien nemmen f’politika bbażata fuq il-valuri u l-prinċipji. Min jgħid li fil-politika m’hemmx lok għalihom qed jiftaħ it-tieqa biex il-valuri jidħlu bis-serqa bla ma ħadd ikun jista’ jiddiskutihom. Il-pożizzjoni tiegħi favur l-‘Iva’ hi bbażata fuq ċerti prinċipji li se nasal għalihom.

It-tielet, għalkemm naqbel ma’ Simon Busuttil dwar kif għandu jmur il-vot, ma naqbilx ma’ waħda mir-raġunijiet li hu ta. Meta jgħid li l-vot favur hu (skont ma ġie rappurtat) “ċelebrazzjoni tal-imħabba”, ir-reazzjoni tiegħi hi li qed jindaħal f’affarijiet li l-politiku – u l-istat – m’għandux jindaħal fihom.

Jien m’għandix l-iċken dubju dwar il-ġenwinità ta’ Busuttil, li jemmen dak li qed jgħid u li dak li qed jgħid ġej mit-twemmin Nisrani tiegħu. Iżda f’din il-kwistjoni m’hemmx lok għat-twemmin personali. Il-valuri li huma rilevanti huma dawk tal-istat.

Ir-reliġjon tista’ tikkmanda lil min iħaddanha biex iħobb, għaliex ir-ruħ affariha. L-istat dan ma jistax jikkmandah. Ir-ruħ mhix affarih. M’għandu ebda dritt jindaħal f’jekk inħobbux jew le.

L-istat jinkedd biss mid-drittijiet legali u l-ħarsien tad-dinjità. Jista’ biss jesiġi r-rispett: bejn il-miżżewġin, u lejn min hu miżżewweġ.

Din id-differenza narawha fir-riti. Dak reliġjuż hu rikk fis-simboliżmu, u l-ideali. L-effett tiegħu għandu jkun li jibdel l-identità spiritwali tal-għarajjes.

Dak tal-istat hu rit burokratiku. Jindaħal biss fid-drittijiet u d-doveri legali. Hu biss kuntratt. L-effett tiegħu hu biss li jibdel l-identità legali ta’ min jidħol għalih.

Għalhekk, għalkemm hemm differenza kbira bejn l-unjoni ċivili u ż-żwieġ reliġjuż, m’hemm differenza xejn bejn iż-żwieġ ċivili u l-unjoni ċivili, ħlief l-isem.

Il-vot favur iż-żwieġ gay

Issa niġi għaż-żewġ mistoqsijiet li semmejt fil-bidu. Jekk Merkel tat free vote, għaliex il-PN m’għandux jagħtih ukoll? U x’inhuma l-prinċipji li għandhom inebbħu l-vot favur iż-żwieġ gay?

Il-każ ta’ Merkel hu differenti minn ta’ Malta. Fil-każ tagħha, il-partit li tmexxi uffiċjalment hu kontra. Hi qatt ma wegħdet xejn. Il-PN għamel wegħda elettorali xahar ilu biss. Ma nbidel xejn minn dak iż-żmien ’l hawn.

Merkel tat vot ħieles għax tirrikonoxxi li l-opinjoni pubblika fil-Ġermanja dejjem qed issir aktar favur. Jiġifieri, tat vot ħieles għax għarfet li l-politika tal-partit tagħha qed tinqata’, gradwalment, mis-sentiment ġenerali fil-pajjiż.
F’Malta, jekk jingħata vot ħieles ikun biex jippermetti lil xi membri parlamentari jinħelsu minn dak li ntrabtu bih erba’ ġimgħat ilu. Li hi raġuni kompletament differenti.

U x’inhuma l-prinċipji li lili jgħiduli li l-vot għandu jkun ‘Iva’? Tnejn ibbażati fuq il-verità.

L-ewwel, m’għandux ikollok politika tad-daħk fil-wiċċ. Jekk l-unjonijiet ċivili jagħtu l-istess drittijiet taż-żwieġ ċivili, mela tinsistix fuq differenza superfiċjali.

Il-bidla fl-isem mhix se ġġib bidla kulturali. Dik il-bidla diġà saret: għalhekk ħafna nies ma jinkeddux mill-bidla fl-isem. Iżda jekk il-bidla ma ssirx, jiżdied is-sens li aħna mhux pajjiż ta’ prinċipju iżda ipokrita. Nagħmlu ħaġa iżda ngħidu li hi oħra.

It-tieni, kelmtek għandek iżżommha. Se tkun diffiċli ħafna li l-votanti jifhmu għala xi ħadd li ma oġġezzjonax qabel l-elezzjoni, qed joġġezzjona issa.

Ċert li l-biċċa l-kbira tan-nies se jaħsbu li l-oġġezzjonijiet ma sarux qabel minħabba l-opportuniżmu. Li żgur mhux se jkun xi reklam tajjeb għall-politika mibnija fuq il-valuri.

Jekk tikser kelmtek f’isem il-valuri, tagħti isem ħażin lill-politika li tistqarr li l-ħajja pubblika għandha tkun imnebbħa mill-valuri. Din hi konsegwenza li min irid jivvota ‘Le’ għandu jiżen sew.

Kuntatt: ranierfsadni@europe.com