Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet: Il-Portugall jispiċċaw it-tielet

Adrien Silva jiskorja l-gowl rebbieħ minn penalty (Ritratt: EPA)

Wara li tilfu fis-semifinali kontra ċ-Ċili, il-Portugall temmew fit-tielet post wara li fil-ħin barrani għelbu lill-Messiku 2-1. Logħba miftuħa u mimlija episodji, f’logħba li tradizzjonalment dejjem toffri spettaklu.

Kienu l-Messiku li fetħu l-iskor fl-54 minuta meta minn kross ta’ Javier Hernandez, ix-xutt ta’ Vela ħabat ma’ Neto bil-ballun jidħol fix-xibka. Il-Portugall żiedu l-isforzi biex isalvaw il-logħba, u kien fid-90 minuta li ġabu d-draw, meta minn kross tas-sostitut Quaresma, daħal tajjeb Pepe li għeleb lil Ochoa.

Il-logħba kompliet fil-ħin barrani, bil-Portugall jiskorjaw il-gowl tar-rebħa fil-103 minuta meta ngħataw penalty wara li Layun mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-11-il metru Adrien Silva għeleb lil Ochoa.

Il-Portugall kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta tkeċċa għat-tieni karta safra Semedo fil-109 minuta, iżda l-Messiku spiċċaw ukoll b’għaxar plejers fil-116-il minuta meta tkeċċa Raul Jimenez.

Illejla fit-8.00pm tintlagħab il-finali bejn il-Ġermanja u ċ-Ċili.